Malta tilfet tmien postijiet oħra fil-lista dinjija tal-pajjiżi li laħqu l-miri għall-iżvilupp sostenibbli, maħruġa min-Nazzjonijiet Uniti. Dan ir-riżultat għall-2018 wassal għal reazzjoni ta’ kundanna minn Nature Trust Malta, li fi stqarrija qal li t-tnaqqis mit-22 għat-30 post hu tort tal-mod kif l-awtoritajiet mhux jagħtu każ il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali tal-pajjiż.
Fi stqarrija, Nature Trust Malta qalet li għalkemm l-ekonomija sejra tajjeb, wieħed ma jistax jinnega li fatturi soċjali oħrajn – bħat-titjib għas-soċjetà u l-ambjent – mhux jingħataw l-importanza li jistħoqqilhom. Il-Gvern u awtoritajiet lokali oħrajn jidhru li mhux jikkommettu ruħhom b’mod serju, sostniet l-għaqda ambjentali.
Nature Trust Malta irrikonoxxiet kif fil-passat, pajjiżna laħaq livelli eċċellenti fil-miri stabbiliti min-Nazzjonijiet Uniti. Iżda fl-istess waqt, għandu jservi wkoll ta’ eżempju f’dan il-każ ukoll. Iżda l-iżvilupp eċċessiv u mhux sostenibbli, flimkien mat-tnaqqis sostanzjali ta’ żoni miftuħa għal-familji, saru l-ordni tal-ġurnata. Dawn flimkien mal-problema tat-traffiku, l-għoli fil-prezzijiet tal-housing, l-obesità u anke n-nuqqas ta’ infurzar, tenniet l-għaqda.
Nature Trust Malta temmet l-istqarrija tagħha b’appell għal strateġiji fit-tul, filwaqt li tenniet li fin-nuqqas ta’ dawn, pajjiżna qed jirriskja li jispiċċa jibqa’ mfakkar bħala dak li jara biss sal-ponta ta’ mnieħru.
//= $special ?>