Sport Waterpolo

Marko Orlovic se jibqa’ kowċ ta’ San Ġiljan … iġedded il-kuntratt b’sentejn

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-kowċ Marko Orlovic se jkun qed jibqa’ fit-tmexxija teknika ta’ San Ġiljan wara li ġedded il-kuntratt tiegħu mal-klabb b’sentejn oħra. Dan hu sinjal ta’ kontinwità fil-klabb Ġiljaniż li minkejja li dan l-istaġun tilef il-kampjonat, għażel li jkompli bil-proġett ma’ Orlovic.

Is-Serb kien strumentali biex ġab is-suċċessi lura fil-klabb ta’ San Ġiljan, hekk kif il-Ġiljaniżi rebħu l-ewwel kampjonat tagħhom wara nuqqas ta’ 20 sena fl-2015, f’dak li kien l-ewwel staġun ta’ Orlovic mal-klabb. Minn dakinhar, Orlovic baqa’ jibni t-tim u wassal biex riċentament San Ġiljan iddominaw l-aħħar snin.

Kemm ilu Orlovic fit-tmexxija, San Ġiljan rebħu l-kampjonat tas-sajf fl-2015 u fl-2017, erba’ darbiet konsekuttivi n-knock-out, tliet darbiet il-kampjonat tax-xitwa, tliet darbiet it-Tazza tal-President u l-ewwel edizzjoni tal-Enemed Cup.

Huma kellhom ukoll serje impressjonanti ta’ 54 logħba li bdiet fil-bidu tas-sena l-oħra u baqgħet sejra sad-29 ta’ Awwissu ta’ din is-sena meta kienu tilfu 11-10 kontra Sirens fit-tieni play-off tas-semifinali.

Il-klabb ta’ San Ġiljan awgura l-isbaħ xewqat lil Orlovic u rringrazzjah tal-lealtà u d-dedikazzjoni. Orlovic se jkun responsabbli mill-programm ta’ żvilupp tal-plejers żgħażagħ tal-klabb. Fl-aħħar snin Orlovic kien importanti biex plejers bħal Dino Zammit, Andreas Galea, Ben Plumpton u Mattias Ortoleva pruvaw esperjenzi fis-Serbja, kif ukoll biex diversi żgħażagħ tal-klabb ħadu l-esperjenza mat-tim ewlieni.