Internazzjonali

Twissija li għad m’hemmx ftehim dwar il-Brexit

Kummissarji tal-Unjoni Ewropea wissew li ma kien hemm ebda żblokk biex jinkiseb ftehim mar-Renju Unit rigward x’se jiġri la darba jseħħ il-Brexit. Il-Kummissarju Dimitris Avramopoulos qal li n-negozjatur tal-UE għall-Brexit u Michel Barnier qed jaħdmu bla rażan biex jippruvaw jilħqu ftehim.

Dan speċjalment peress li l-ġimgħa d-dieħla se jkun hemm summit kruċjali tal-UE. Imma Avramopoulos qal li s’issa m’hemm ebda ħjiel ta’ ftehim. Anki l-Kummissarju Julian King qal li kien hemm xi kwistjonijiet li kellhom bżonn ikunu indirizzati, partikolarment fejn tidħol is-sigurtà. Dawn il-kummenti saru wara li Barnier indirizza l-Kummissarji dwar f’liema stadju kienu jinsabu n-negozjati ma’ Londra.

Il-mexxejja tal-UE qed isostnu li hemm bżonn progress kbir fis-summit tal-ġimgħa d-dieħla biex ikun assigurat li ftehim ikun finalizzat qabel ir-Renju Unit jspiċċa minn membru, fid-29 ta’ Marzu. L-ikbar ostaklu li hemm fin-negozjati hu dwar kif il-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda tista’ tibqa’ miftuħa wara l-Brexit.

Intqal li n-negozjaturi se jkomplu jaħdmu tul tmiem il-ġimgħa kollha bit-tama li t-Tnejn ikun hemm xi żblokk.