Sport Waterpolo

Ir-Russu Dmitrii Kholod ma’ Valletta United fil-kampjonat tas-sajf li ġej

Valletta United ħabbru li l-ewwel barrani tagħhom għall-kampjonat tas-sajf tas-sena d-dieħla se jkun Dmitrii Kholod. Il-plejer ta’ 26 sena hu plejer tat-tim nazzjonali tar-Russja u saħansitra kien parti mit-tim Russu li spiċċa fis-seba’ post fil-Kampjonat Ewropew li fih ħadet sehem Malta wkoll. F’Barcelona hu skorja tmien gowls f’seba’ logħbiet u kien ir-raba’ l-aqwa skorer tat-tim.

Din mhux se tkun l-ewwel esperjenza ta’ Kholod f’pajjiżna hekk kif fl-2016 kien lagħab fil-kampjonat tas-sajf ma’ Valletta wkoll. F’dak l-istaġun, Valletta spiċċaw fil-ħames post b’Kholod ikun l-aħjar skorer tat-tim b’37 gowl skorjat minn 14-il logħba f’dak il-kampjonat.