Internazzjonali

L-Indoneżja: Arresti dwar il-bejgħ tat-trabi fuq Instagram

Il-Pulizija fl-Indoneżja qalu li rnexxielhom iwaqqfu l-attivitajiet ta’ grupp ta’ nies li kienu qed ibiegħu t-trabi bis-servizzi tal-Instagram – is-sit magħruf għall-iskambju u ċirkUlazzjoni ta’ ritratti.

Intant, spiċċaw arrestati erba’ persuni għal allegat sehem fix-xiri u l-bejgħ tat-trabi fuq dak is-sit u li jinkludu raġel li allegatament ‘kien qed imexxi l-inizjattiva’.

Anki spiċċat arrestata mara ta’ 22 sena li jaħsbu li Ppruvat tbigħ lit-tarbija tagħha permezz tas-sit, bil-pulizija jinterrogaw mara oħra – ‘is-sensara f’dan it-traffiku ta’ ċkejknin’ – flimkien ma’ persuna oħra kunsidrata bħala ‘xerrejja potenzjali.

Is-sorsi infurmati qalu li l-pulizija, fil-bidu tax-xahar, intervjeniet u waqqfet ‘bejgħ ta’ tarbija’ ippjanat fil-belt ta’ Surabaya – fejn l-imsemmija mara ta’ 22 sena ‘kienet qed tippjana biex tbigħ lit-tarbija għall-ekwivalenti ta’ ftit aktar minn 800 ewro.

Il-pulizija ħatfet ukoll stqarrija dwar addozzjoni, flus kontanti u xi telefons ċellulari li fihom id-dettalji dwar ‘il-bejgħ ippjanat’. Dan meta l-account partikulari fuq Instagram kien qed ikun preżentat bħala sit ‘li jippromwovi l-ġid tal-familja’.

Sadattant, l-erba’ arrestati jistgħu jeħlu sa 15-il sena ħabs taħt il-liġijiet tal-Indoneżja għall-protezzjoni tat-tfal.