Futbol Sport

L-Ingilterra tfalli diversi okkażjonijiet u tikkuntenta b’punt

(Ritratt: EPA)

Wara li sofriet telfa f’Wembley Stadium kontra Spanja, l-Ingilterra naqset li tieħu l-ewwel rebħa fi Grupp A4 bi draw ta’ mingħajr gowls kontra l-Kroazja. Il-logħba ntlagħbet fi Stadion Rujevica bil-bibien magħluqa wara li l-Kroazja qed tiskonta sospensjoni, u dan il-fattur bidel ftit l-andament tal-logħba.

L-Ingilterra kellha diversi okkażjonijiet li setgħet rebħet il-logħba, b’Eric Dier jolqot il-wieqfa b’daqqa ta’ ras wara li rċieva minn korner mil-lemin. Fil-51 minuta, kien Harry Kane li din id-darba laqat il-mimduda b’daqqa ta’ ras minn korner ieħor.

Marcus Rashford falla żewġ okkażjonijiet kbar fil-55 u fl-64 minuta. L-ewwel naqas li jolqot tajjeb mill-viċin u minn qagħda ideali, biex disa’ minuti wara rċieva mingħand Sterling iżda minn pożizzjoni tajba, ra x-xutt fil-baxx ikun salvat minn Dominik Livakovic.

Il-Kroazja kellhom ċans denju kull taqsima. Fis-36 minuta Andrej Kramaric naqas li jikkonkludi aħjar b’xutt li kien salvat minn Jordan Pickford. Fis-70 minuta, Ante Rebic mar qrib b’xutt imdawwar minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra.

F’logħba oħra minn League A iżda minn Grupp 2, il-Belġju kisbet it-tieni rebħa minn żewġ logħbiet wara rebħa ta’ 2-1 fuq l-Iżvizzera. ROMELU LUKAKU fetaħ l-iskor fit-58 minuta meta rċieva mingħand Thomas Meunier fil-kaxxa u skorja b’xutt fil-baxx.

L-Iżvizzera ġabet id-draw fis-76 minuta meta minn free-kick mil-lemin, Haris Seferovic niżżel bir-ras lejn MARIO GAVRANOVIC li xeħet wara Thibaut Courtois minn fuq il-linja tal-kaxxa ż-żgħira. Il-Belġju skorjat il-gowl tar-rebħa fl-84 minuta, b’ROMELU LUKAKU jħabbat il-ballun ma’ Dries Mertens u għeleb lil Yann Sommer minn qagħda ideali.

Riżultati – UEFA Nations League

League A Grupp 2 – Belġju v Żvizzera 2-1

League A Grupp 4 – Kroazja v Ingilterra 0-0

League B Grupp 3 – Awstrija v Irlanda ta’ Fuq 1-0

League Ċ Grupp 2 – Estonja v Finlandja 0-1 , Greċja v Ungerija 1-0

League D Grupp 2 – Belarus v Lussemburgu 1-0 , Moldova v San Marino 2-0

Fost il-partiti ta’ ħbiberiji l-Brażil rebħet 2-0 kontra l-Arabja Sawdija f’waħda mill-partiti ta’ ħbiberija. GABRIEL JESUS fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima meta rċieva mingħand Neymar fl-ispazju u skorja b’xutt fil-baxx. L-Arabja Sawdija kellha tispiċċa l-logħba b’raġel anqas fil-85 minuta meta tkeċċa Mohammed Al Owais. ALEX SANDRO għamilhom 2-0 bl-aħħar azzjoni tal-logħba hekk kif skorja b’daqqa ta’ ras mill-viċin minn korner ta’ Neymar.

Riżultati – Partiti ta’ ħbiberija

Stati Uniti v Kolombja 2-4 , Messiku v Costa Rica 3-2 , Ġappun v Panama 3-0 , Korea ta’ Isfel v Urugwaj 2-1 , A. Sawdija v Brażil 0-2