Sport Sport Ieħor

Lindsey Vonn se tirtira mill-iskiing fi tmiem l-istaġun

It-tliet darbiet rebbieħa ta’ midalja Olimpika Lindsey Vonn qalet li se tirtira fi tmiem l-istaġun li ġej tat-Tazza tad-Dinja tas-skiing. L-Amerikana qalet fil-passat li mhux se tirtira qabel tikser ir-rekord ta’ kull żmien ta’ 86 rebħaa fit-Tazza tad-Dinja li bħalissa jinsab għand Ingemar Stenmark.

Vonn li għandha 33 sena u rebħet il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi tax-xitwa fl-2010 fid-downhill, għandha 82 rebħa iżda se tirtira irrelevanti minn kemm tikseb rebħiet. “Jekk nkiseb ir-rekord, tkun ħolma li saret realtà. Jekk le, naħseb kelli karriera ta’ suċċess irrelevanti minn x’jiġri.”

L-Amerikana rebħet total ta’ erba’ titli tat-Tazza tad-Dinja bl-aħħar wieħed jasal fl-2012. Mit-total ta’ 82 rebħa, hemm inkluż 43 rebħa fid-downhill u 28 rebħiet Super-G. “Fiżikament wasalt f’punt li ma tagħmilx sens aktar. Nixtieq li nibqa’ attiva fil-futur, u rrid inħares lejn il-futur u mhux biss inkun iffukata f’dak li għandi quddiemi.”

Vonn qed tippjana li tidħol f’kull tiġrija downhill u Super-G tal-istaġun 2018/2019, bl-ewwel dehra mistennija tkun f’Lake Louise fil-Kanada x-xahar id-dieħel.

Tags