Lokali

Muscat ma jgħidx meta se tiġi ppubblikata l-inkjesta dwar Egrant

Il-Prim Ministru għal darb’oħra jaħrab milli jwieġeb – Joseph Muscat ma jridx jgħid x’qed iżomm lill-Avukat Ġenerali milli jippubblika l-Inkjesta Egrant. Minflok, kif issa hija konswetudni, dawwarha fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Muscat kien affacjat b’dawn id-domandi fi tmiem diskors li ghamel f’summit li kien qed jitlaqqa’ f’San Giljan. U biex jevita iktar mistoqsijiet, Joseph Muscat ħarab lejn il-karozza tiegħu u njora lil ġurnalisti oħra, inkluż dawk tal-istazzjon tal-Partit Laburista stess.

Kien il-Kap tal-Oppożizzjoni li fetaħ Kawża Kostituzzjonali dwar l-inkjesta Egrant sabiex hu jkollu kopja sħiħa, kif għandhom Owen Bonnici u l-Prim Ministru nnifsu.

Fl-aħħar deċiżjoni tagħha, il-Qorti aċċettat it-talba ta’ Adrian Delia biex kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Owen Bonnici jitressqu biex jixhdu f’din il-Kawża.