Futbol Sport

Telfa rispettabli kontra avversarji bil-wisq aħjar minn Malta

Domenic Aquilina

Kosovo vs. Malta 3-1

UEFA Nations League | League D, Grupp 3

Tlifna iżda nażżarda ngħid li ħriġna mill-pitch bl-unuri, anke jekk bl-ebda mod ma kien jimmeritana li niksbu xi ħaġa minn logħba fejn il-Kosovo kienu bil-wisq aħjar mit-tim nazzjonali tagħna. L-ewwel taqsima kienet diffiċli għal Malta, b’Kosovo juru l-intenzzjonijiet tagħhom sa mill-bidu nett u l-ħeffa tagħhom, kemm bil-ballun kif ukoll mingħajr, ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ naħat rispettivi.

Madankollu fit-tieni taqsima, partikolarment fl-ewwel għaxar minuti, Malta kellha l-aħjar mumenti tagħha tant li konna kapaċi niskorjaw il-gowl tad-dro minn azzjoni ta’ corner u li fissret diżappunt doppju għal Kosovo għaliex mhux biss soffrew id-dro momentarju, iżda l-gowlkiper b’esperjenza twila ma’ diversi klabbs fl-Italja, Sanur Ukjani soffra l-ewwel gowl tiegħu f’din il-kompetizzjoni Ewropea. Wara dan il-gowl, il-Kosovo dehru maħsuda u 22 minuta mit-tmiem tal-partita dawwru l-affarijiet favur tagħhom meta kisbu mill-ġdid il-vantaġġ. Żewġ minuti wara l-affarijiet komplew jikkumplikaw ruħhom għal Malta meta tkeċċa Michael Mifsud għat-tieni karta safra. Kien hawnhekk fejn il-logħba kienet biss għat-telgħa għal Malta u kull motivazzjoni li l-gowl tad-dro ta’ Andrei Agius setgħa ta lill-Maltin malajr taret mar-riħ.

Malta bdiet il-logħba b’sistema ta’ 3-4-2-1 li fil-fażi difensiva kienet tinqaleb għal 5-4-1. Id-difensur ta’ Valletta, Ryan Camilleri ma rkuprax fil-ħin wara li sofra daqqa fit-taħriġ man-nazzjonal qabel ma ħalla Malta u minflok beda’ l-Għawdxi Ferdinando Apap li lagħab ċenrali fid-difiża flimkien ma’ Steve Borg u Andrei Agius. Mal-linja tax-xellug, fin-nuqqas ta’ Joseph Zerafa, reġa’ irritorna fl-iskwadra nazzjonali Clayton Failla ta’ Floriana. Fuq il-faxxa l-oħra reġa’ beda’ mal-ewwel minuta ż-żagħżugħ ta’ Hibernians, Joseph Mbong.

Fl-attakk, kien hemm id-debutt taż-żagħżugħ Juan Corbolan li kien ippreferut minn Alfred Effiong. Il-plejer ta’ Gżira United lagħab maġemb il-captain, Michael Mifsud hekk kif il-punta ċentrali tal-Maltin reġa’ kien André Schembri. It-tnejn tan-nofs kienu Paul Fenech u Rowen Muscat.

F’stadium mimli, kollu kemm hu b’appoġġ lejn il-Kosovo, l-avversarji tagħna ħarġu grintużi u dehru bil-wisq eħfef mill-Maltin sa mill-bidu. Kull darba li l-Kosovo kellhom il-pusses tal-ballun, għarfu joħolqu tensjoni fost il-plejers tagħna u l-ewwel azzjoni perikoluza waslet fit-12-il minuta meta Edon Zhegrova b’xutt minn barra ‘l kaxxa sab lil Andrew Hogg attent biex iwaqqaf il-konklużżjoni. Tmiem minuti wara, il-midfielder ta’ Lazio fl-Italja, Valon Berisha kellu free-kick dirett u ċentrali salvat bla problemi mill-gowlkiper Malti.

Fis-27 minuta, iż-żagħżugħ ta’ 23 sena mwelled fl-iŻvezja, Arber Zeneli sab l-ispazju biex qata’ lejn in-nofs u b’xutt fil-baxx mid-distanza impenja lil Hogg. Żewġ minuti wara, paniku quddiem il-lasta tal-Maltin. Kien hemm pass fit-tul mill-Kosovo lejn l-attakkant Vedat Muriqi, iżda Hogg ħareġ jagħlaq tajjeb.

Din l-azzjoni iżda kienet il-preludju tal-gowl tal-Kosovo għaliex żewġ minuti wara soffrejna l-ewwel gowl. Kienet azzjoni veloċi tal-Kosovo, Berisha jiftaħ id-difiża avversarja, BENJAMIN KOLOLLI sspuera lil Mbong, Hogg ħareġ biex jgħalaq fil-baxx, iżda l-midfielder ta’ FC Zurich fl-iŻvizzera xeħet ġewwa għal 1-0.

Sitt minuti wara, il-Kosovo reġgħu ħolqu azzjoni simili għall-gowl li skorjaw, id-difiża ta’ Malta terġa’ tkun dgħajfa quddiem il-ħeffa tal-attakk avversarju, madankollu l-konklużżjoni angolata ta’ Muriqi rat lil Hogg isalva parzjalment qabel ma d-difiża tagħna tajret il-periklu.

Ħames minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, l-ewwel azzjoni denja ta’ kronaka għal Malta meta Mifsud b’azzjoni personali baqa’ jippersisti bil-ballun u kkonkluda minn barra, iżda x-xutt tiegħu kien faċli wisq għall-eks gowlkiper tal-Albanija, Ujkani. Qabel il-mistrieħ kien għad baqa aktar tbatija għad-difiża tagħna. Fit-42 minuta Zhegrova biddel il-ballun ma’ Zenelli u b’xutt b’saħħtu minn fuq il-lemin tal-lasta tal-Maltin, rat lil Hogg megħlub iżda l-ballun ħabbat mal-lasta, ġerra mal-linja kollha u baqa’ sejjer barra. Din kienet tassew azzjoni sfortunata għall-Kosovo, bil-Maltin ngħodduha b’waħda li m’għalaqnix l-ewwel 45 minuta b’żewġ gowls minn taħt.

Is-suffara tar-referee Ungeriz, Tamás Bognar għal tmiem l-ewwel taqsima ġabet soljev fost il-plejers Maltin li mingħajr ebda dubju ħassewhom mifnija mill-prestazzjoni pożittiva tal-avversarji li bil-ħeffa u l-aġilitá tagħhom, ġabu fix-xejn kull tip ta’ sforz mill-plejers tagħna. Bla dubju l-Kosovo daħlu jistrieħu b’vantaġġ meritat ta’ gowl u forsi ikun ġust li ngħidu li għal dak li għamlu kien jimmerithom aktar sa dak il-ħin fil-logħba.

Fit-tieni taqsima ġara dak li ftit bassru li setgħa jiġri. Sa mill-ewwel minuta Malta ħarġu aktar organizzati u dan mingħajr ma rajna ebda sostituzzjoni. Il-plejers tagħna dehru aktar kunfidenti u fil-50 minuta wasal il-gowl tad-dro. Schembri rebaħ corner u mis-set piece, Failla xeħet lejn in-nofs u AGIUS għola bir-ras fuq id-difiża avversarja biex skorja l-gowl tal-1-1. Dan kien l-ewwel gowl li l-Kosovo soffrew f’din il-kompetizzjoni.

Indubjament l-avversarji tagħna kienu maħsuda b’dan il-bidu pożittiv tal-Maltin u erba’ minuti wara, ppruvaw iwetqu reazzjoni meta konklużżjoni ta’ Zenelli minn ġewwa l-kaxxa, kienet imblukata b’mod tajjeb minn Mbong. Fis-63 minuta l-Kosovo resqu viċin li jmorru mill-ġdid fil-vantaġġ. Kienet azzjoni persistenti, b’Steve Borg itajjar kross minn fuq ix-xellug, Hogg ħareġ itajjar bil-ponn fl-isfond ta’ konfużjoni sħiħa li kien hemm qudiemu, iżda finalment il-periklu twaqqaf meta l-gowlkiper Malti ħataf il-ballun fl-art wara takkuna ta’ Muriqi.

Żewġ minuti wara l-Kosovo laqtu t-tieni lasta fil-logħba. Kienet konklużżjoni tajba ta’ Zhegrova li għelbet lil Hogg iżda stampat mal-wieqfa. Il-gowl tal-vantaġġ tal-avversarji wasal fis-68 minuta. Għal darb’oħra kienet azzjoni veloċi tal-Kosovo, b’serje ta’ passaġġi fil-qasir, il-Maltin ikunu sfortunati li r-rebound spiċċa f’saqajn MURIQI li mill-viċin b’xutt b’saħtu spara għal-ġewwa u għeleb lil Hogg għal 2-1. Veru każ li jekk fl-azzjonijiet preċidenti, partikolarment dawk li l-Kosovo ħabtulhom mal-lasta, konna fortunati din id-darba l-isfortuna kienet fuq in-naħa tagħna u fissret il-gowl tal-iżvantaġġ.

Fis-70 minuta, Malta ssofri daqqa ta’ ħarta meta captain Mifsud kien muri t-tieni karta safra fil-partita wara fawl fuq plejer avversarju, u r-referee kien pront li juriħ it-tieni safra fi spazu ta’ ftit minuti mill-ewwel waħda, biex tkeċċa u ħalla lit-tim b’għaxra fil-pitch. Seba’ minuti wara din it-tkeċċija, Kololli minn ġol-kaxxa mmpenja lil Hogg li dawwar konklużżjoni angolata għal korner.

Fil-81 minuta Malta ssofri t-tielet gowl. Azzjoni fuq il-lemin ta’ Hogg, is-sostitut Rashica ta lejn Kololli li b’konklużżjoni first-timer u fil-baxx skorja t-tieni gowl tiegħu u t-tielet wieħed ta’ Kosovo, bid-difiża Maltija dehret kompletament mifxula.

Tmiem il-partita ġabet ewforija kbira mill-publiku tal-lokal għaliex din kienet it-tieni rebħa għal Kosovo fil-grupp tal-UEFA Nations League wara dik miksuba kontra l-Gżejjer Faroe, xahar ilu. Malta issa tħares fil-pożittiv għall-partita ta’ nhar il-Ħadd li ġej kontra l-Ażerbajġan f’Baku, b’tama li x-xorti tkun aktar fuq in-naħa tagħna u kif ksbina punt kontra tagħhom xahar ilu, nerġgħu nagħmlu l-istess fil-partita li jmiss.

Kosovo 3 | Ujkani, Aliti, Shala, Kryeziu, Zeneli (76 min Rashica), Rrahmani, V. Berisha (74 min Halimi), Vojvoda, Kololli, Muriqi (83 minuta Kastrati), Zhegrova

Malta  1| Hogg, Mbong, S. Borg, Agius, P. Fenech (59 min R. Briffa), Mifsud, Schembri (64 min Effiong), R. Muscat (83 min S. Pisani), Failla, Corbolan, Apap

Karta safra | Mifsud (M), Kryzelu (K), Pisani (M), Agius

Tkeċċija | Mifsud (M)

Skorjaw | 30 min Kololli (K), 51 min Agius (M), 68 min Muriqi (K), 81 min Kololli (K)