Futbol Sport

Cassano jħabbar li rtira mill-futbol din id-darba għal dejjem

L-eks internazzjonali Taljan Antonio Cassano ħabbar li rtira mill-futbol wara li din il-ġimgħa kien beda jitħarreġ ma’ Virtus Entella. Din hi t-tielet darba li Cassano ħabbar li rtira wara li kien għamel dan f’Lulju tal-2017 tmint ijiem biss wara li kien iffirma ma’ Verona. Iżda sigħat wara bidel il-ħsieb u qal li se jibqa’ fejn kien qed li se jqum għall-okkażjoni u li se jkollu staġun tajjeb.

Sitt ijiem wara wara li lagħab żewġ logħbiet ta’ ħbiberija fil-pre-season mal-klabb il-ġdid tiegħu, reġa’ qal li kien se jirtira. Cassano ilu ma jilgħab partita fil-kampjonat minn Mejju tal-2016.

F’ittra miftuħa minn fuq il-profil tal-ħabib tiegħu, il-ġurnalist Pierluigi Pardo, Cassano qal li “tasal ġurnata meta tiddeċiedi li vera spiċċa kollox” Hu qal li f’dawn il-jiem li tħarreġ ma’ Virtus Entella, fehem li mhux iffukat biżżejjed biex jitħarreġ b’kontinwità. Cassano żied li “biex wieħed jilgħab il-ballun hemm bżonn il-passjoni u t-talent imma fuq kollox id-determinazzjoni, u f’dan il-mument għandi prijorità oħra.”

Cassano rringrazzja lil sħabu fit-timijiet li lagħab magħhom matul is-snin, l-avversarji, il-kowċis u d-diriġenti. Iżda hu sellem lill-partitarji tat-timijiet li kien magħhom imma wkoll l-avversarji għaliex saħaq li mingħajrhom il-futbol ma jeżistix.

Fil-karriera tiegħu, Cassano magħruf fil-futbol Taljan bħala “FantAntonio” lagħab total ta’ 419-il logħba u skorja 115-il gowl filwaqt li mat-tim nazzjonali Taljan lagħab 39 logħba u skorja 10 gowls.

Cassano sar magħruf bħala plejer fis-Serie A ma’ Bari u fl-2001 kien trasferit ma’ Roma fl-età ta’ 19-il sena. Ma’ Roma laħaq livell għoli u fl-età ta’ 23 sena ngħaqad ma’ Real Madrid fl-2006. L-esperjenza tiegħu kienet deludenti u minkejja li rebaħ La Liga, iddiżappunta fejn saħansitra żdied fil-piż.

L-attakkant Taljan reġa’ rritorna f’livell tajjeb ma’ Sampdoria, skwadra li magħha skorja 35 gowl f’96 partita. Fl-2011 hu ngħaqad ma’ Milan fejn rebaħ kampjonat u Supercoppa Italiana. Waqt din l-esperjenza, Cassano għamel madwar sitt xhur nieqes mil-logħob minħabba problemi tal-qalb.

Fl-istaġun 2012/2013 hu ngħaqad ma’ Inter, klabb li Cassano esprima li hu partitarju tiegħu. Fl-istaġun ta’ wara hu ngħaqad ma’ Parma, fejn magħhom skorja l-100 gowl fis-Serie A. F’Jannar tal-2015, Parma u Cassano qablu li jitterminaw il-kuntratt minħabba problemi finanzjarji tal-klabb.

Hu reġa’ ngħaqad ma’ Sampdoria f’Awwissu tal-2015. Waqt il-pre-season tal-istaġun 2016/2017, il-President tal-klabb Massimo Ferrero kien ħabbar li Cassano ma kienx parti mill-pjanijiet tal-klabb u l-kuntratt tiegħu kien terminat f’Jannar tas-sena l-oħra.

L-aħħar tentattivi ta’ Cassano biex jibqa’ jilgħab kienu ma’ Verona s-sajf l-ieħor u ma’ Virtus Entella f’dan is-sajf, bil-plejer ta’ 36 sena jieqaf miż-żewġ klabbs ftit jiem wara.