Lokali

Il-Kurja bi proposti għall-budget 2019

Il-Knisja f’Malta trid li ċ-ċittadini f’pajjiżna jgħixu l-aħjar stil ta’ ħajja possibbli, kemm għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u anke dawk futuri.

Kien għalhekk li, ftit jiem qabel ma jkun ippreżentat il-Budget għas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta ippubblikat il-proposti tagħha f’dokument bit-tema “Inġeddu l-mod ta’ x’nifhmu bi progress”.

L-ewwel qasam li tkellmu dwaru hu t-trasport, wieħed mill-aktar oqsma li jolqtu lin-nies tul is-sena kollha, fejn saħqu fuq il-bżonn ta’ soluzzjonijiet fit-tul minflok dawk temporanji.

Il-Kummissjoni tissuġġerixxi titjib fit-trasport pubbliku, iżda wkoll li jiġi mħeġġeġ aktar il-carpooling, il-mixi u ċ-ċikliżmu, filwaqt li jsiru alternattivi validi għall-vetturi privati.

Komplew li hu meħtieġ li jkunu implimentati l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport 2050 u l-Abbozz għall-Pjan Nazzjonali tat-Trasport 2025, filwaqt li għandhom ikunu kkunsidrati wkoll soluzzjonijiet alternattivi bħat-teleworking.

Settur ieħor li ssemma’ kien l-ambjent, bil-Kummissjoni tappella lill-awtoritajiet biex jaħdmu għal gżira aktar nadifa, bit-tħawwil ta’ aktar siġar u pjanti f’żoni urbani.

Tennew ukoll li hemm bżonn li jsir ippjanar bil-quddiem għall-użu tal-art b’mod effiċjenti ħalli jkun protett il-wirt ambjentali.

Il-Kummissjoni fi ħdan il-Knisja f’Malta rreferiet ukoll għall-problema tal-obeżità, b’soluzzjonijiet għal din jinkludu ż-żieda fl-attività fiżika fl-iskejjel, introduzzjoni ta’ miżuri fuq ikel ħażin għas-saħħa u inċentivi biex jiżdied il-mixi jew l-użu tar-rota.

Dwar il-problema tas-saħħa mentali, ingħad li hemm bżonn li jingħataw l-aħjar servizzi lill-pazjenti, iżda wkoll lill-qraba tagħhom u lil dawk li jieħdu ħsiebhom.

Il-Kummissjoni trattat ukoll problea oħra li fl-aħħar xhur kienet fuq fomm kulħadd – dik li l-akkomodazzjonijiet m’għadhomx affordabbli – fejn ingħadda messaġġ dirett lill-Gvern.

Kien issuġġerit li ssir skema ta’ propjetà bi sħab, ipoteka garantità u tnaqqis tal-imgħax fuq is-self mit-taxxi.

L-aħħar qasam li ffukat fuqu l-Knisja kien dak tal-immigrazzjoni, fejn ingħad li hemm bżonn li jkunu assigurati kundizzjonijiet tajbin u ugwali.

Il-Kummissjoni saħqet li hemm bżonn li jinfetaħ ċentru biex jintlaqaw persuni ħalli jingħataw il-protezzjoni meħtieġa. Dan għandu jkun għal refuġjati rikonoxxuti u għal dawk li ħaqqhom protezzjoni sussidjarja.