Futbol Sport

Cristiano Biraghi jagħti rebħa drammatika u importanti lit-tim Taljan

L-Italja kisbet rebħa importanti ħafna hekk kif rebħet 1-0 kontra l-Polonja, tliet punti li fissru ħafna għal raġunijiet differenti. Din kienet l-ewwel rebħa kompetittiva għal Roberto Mancini fit-tmexxija tat-tim Taljan. B’hekk huma assiguraw posthom li jibqgħu f’Diviżjoni A u b’ċans li jirbħu l-grupp jekk jegħlbu lill-Portugall filwaqt li l-Polonja ġew relegati għal Diviżjoni B.

Probabbli din kienet l-aħjar prestazzjoni tal-Italja kemm ilu Mancini kowċ hekk kif iddettaw ħafna mil-logħba iżda fallew diversi okkażjonijiet ta’ skor. Jorginho u Lorenzo Insigne laqtu l-lasta fl-ewwel taqsima, minbarra okkażjonijiet oħra ta’ Federico Bernardeschi. Protagonist kien ukoll kien il-gowlkiper tal-Polonja Wojciech Szczesny li żamm lit-tim tiegħu fil-logħba.

Kellu jkun fit-92 minuta li l-Italja skorjat il-gowl tar-rebħa. Kien korner mil-lemin fuq l-ewwel lasta, is-sostitut Kevin Lasagna tar minn tulu bir-ras, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni tad-difensur Cristiano Biraghi li skorja mill-viċin f’dak li kien l-ewwel gowl tiegħu mat-tim nazzjonali Taljan. Biraghi li hu plejer ta’ Fiorentina feraħ b’ġest tan-numru b’dedika għall-eks difensur Davide Astori li kien miet f’April.

Minn Diviżjoni B, ir-Russja jinsabu punt bogħod mill-promozzjoni wara rebħa f’Sochi ta’ 2-0 li temmet it-tamiet tat-Turkija. Roman Neustaedter fetaħ l-iskor għar-Russja fl-20 minuta wara li xutt li kien ħabat mal-lasta. Denis Cheryshev għalaq il-logħba fit-78 minuta meta rdoppja wara kontrattakk ta’ Aleksandr Golovin.

F’Diviżjoni Ċ, il-gowlkiper Ariel Harush spikka hekk l-Iżrael kisbet rebħa ta’ 2-0 fuq l-Albanija biex telgħu b’vantaġġ ta’ tliet punti minn Grupp 1. Tomer Hemed fetaħ l-iskor wara tmien minuti, biex Dia Saba għalaq il-logħba fit-83 minuta  b’xutt li kien imxellef.

Minn Grupp 4 tal-istess diviżjoni, ir-Rumanija kisbet punt wara li spiċċat 0-0 kontra s-Serbja. Ir-Rumeni għamlu taqsima b’raġel anqas wara li tkeċċa Gabriel Tamas b’karta ħamra diretta li wassal għal penalty. Iżda l-captain Serb Dušan Tadić falla mill-11-il metru.

Il-Montenegro tinsab punt wara s-Serbja b’rebħa ta’ 4-1 kontra l-Litwanja. Stefan Mugoša fetaħ l-iskor wara 10 minuti u Boris Kopitović irdoppja fil-35 minuta. Stefan Mugoša għamilhom 3-0 qabel tmiem l-ewwel taqsima minn penalty. Darko Zorić skorja r-raba’ gowl fis-86 minuta, b’ Rolandas Baravykas inaqqas id-distakk żewġ minuti wara.

Mill-istess Grupp ta’ Malta l-Gżejjer Faroe u l-Kosovo spiċċaw fi draw ta’ 1-1. Gowl sabiħ ta’ Milot Rashica ta vantaġġ bikri lill-Kosov f’Torshavn, iżda Renè Joensen ġab id-draw ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Il-Gżejjer Faroe għafsu biex ifittxu l-gowl tar-rebħa iżda l-Kosovo tikkontrolla l-pressjonali finali biex baqgħet mhux megħluba u fil-quċċata tal-grupp.

Riżultati

Diviżjoni A Grupp 3 – Polonja v Italja 0-1

Diviżjoni B Grupp 2 – Russja v Turkija 2-0

Diviżjoni Ċ Grupp 1 – Iżrael v Albanija 2-0

Diviżjoni Ċ Grupp 4 – Rumanija v Serbja 0-0, Litwanja v Montenegro 1-4

Diviżjoni D Grupp 3 – Ażerbajġan v Malta 1-1, Gżejjer Faroe v Kosovo 1-1