Futbol Sport

FILMAT: Kunu infurmati u aċċettaw is-sitwazzjoni preżenti tal-futbol Malti – Andrei Agius

Christian Micallef jirrapporta minn Baku, l-Ażerbajġan bl-appoġġ ta’ JetFreight Limited

Id-difensur Andrei Agius tkellem dwar il-passat, il-preżent iżda anke l-futur tal-futbol Malti waqt il-konferenza stampa. B’referenza għat-telfa kontra l-Kosovo, hu qal li “lagħbna kontra avversarji bil-wisq superjuri mill-livell li qed jilagħbu fih f’din il-kompetizzjoni tal-UEFA Nations League. Jekk wieħed iħares lejn il-plejers li għandhom fl-iskwadra Kosovo, ma’ min jilagħbu llum u mal-liema timijiet nazzjonali kienu jilagħbu magħhom fil-passat, wieħed faċilment jifhem is-saħħa tagħhom.”

Meta mistoqsi minn Il-Mument dwar il-kritika li teżisti mill-pubbliku sportiv Malti fil-konfront tat-tim nazzjonali, speċjalment wara t-telfa ta’ 3-1 ta’ kontra l-Kosovo, Agius saħaq li l-messaġġ tiegħu hu wieħed; “kunu infurmati u aċċettaw is-sitwazzjoni preżenti tal-futbol Malti. L-akbar differenza bejn aħna, u l-bqija tal-pajjiżi l-oħra li qed nilagħbu kontra tagħhom hi l-professjonaliżmu.”

Agius saħaq li l-professjonalitá meħtieġa f’dan il-livell hi li jkollok nies, mhux biss plejers, li jaħdmu 365 jum fis-sena futbol biss, u kull ma jagħmlu f’xogħlhom hu futbol u xejn aktar. Id-difensur ta’ Hibernians qal li dan m’għandux ikun biss fil-futbol iżda fl-isport kollu inġenerali f’Malta.

“Jeħtieġ li ngħollu l-livell tagħna b’dan il-mod. Il-professjonalitá hija t-triq għas-suċċess u m’hemm ebda triq oħra differenti. Nittama li l-affarijiet jinbidlu u jkunu aħjar. Hu tajjeb li nkomplu nintroduċu aktar plejers żgħar fit-tim nazzjonali, kif qed jagħmel il-kowċ Farrugia. Dan hu process li jaf ikun wieħed diffiċli, iżda nistgħu naslu u konvint Ii hemm nies li qed jaħdmu b’dedikazzjoni biex jieħdu l-futbol u l-isport lokali għal-livell mixtieq,” kompla jgħid Agius.

Fuq l-istess tema tkellem ukoll Farrugia. Hu qal li dan hu process importanti u ta’ tranżizzjoni li jaf jieħu fit-tul iżda l-importanti li naslu. Hu rrefera għal dak li sejjaħlu bħala kuraġġ minn naħa tiegħu u tal-istaff li hu jmexxi, li qed jintroduċu plejers ġodda fit-tim nazzjonali. Fl-istess waqt hu feraħ lit-tim ta’ taħt il-21 sena li nhar il-Ġimgħa li għadda kiseb rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ungerija.