Sport Sport Ieħor

Ir-raba’ suċċess għal Novak Djokovic fil-Masters ta’ Shanghai

Novak Djokovic reġa’ kien f’forma mill-aqwa hekk kif kif għeleb l-isfida ta’ Borna Coric biex kiseb ir-raba’ titlu tiegħu fil-Masters ta’ Shanghai. It-tennist ta’ 31 sena kien konċentrat tul il-logħba biex kiseb it-18-il rebħa konsekuttiva ATP wara li għeleb lil Coric 6-3, 6-4.

Is-Serb li għamel operazzjoni fil-minkeb fi Frar li għadda, irkupra biex rebaħ Wimbledon kif ukoll l-Open tal-Istati Uniti x-xahar li għadda. Hu se jkun qed jitla’ fit-tieni post meta llum joħorġu uffiċjalment ir-rankings il-ġodda, u se jkun qed jittama li jaqbeż lil Rafael Nadal qabel ma tintemm is-sena.

Coric li lagħab fil-finali wara li għeleb lil Roger Federer fis-semifinali, kien qed jilgħab l-ewwel finali tiegħu tal-Masters 1000. B’din it-telfa, għadu jrid jirbaħ set kontra Djokovic f’erba’ logħbiet.

Djokovic kiser is-service ta’ Coric fis-sitt logħba u kkonsolida l-vantaġġ. Hu rebaħ l-ewwel set wara li tilef biss erba’ punti meta kellu s-service.

Coric li għad għandu 21 sena, ma kienx qed juri l-potenzjal kollu tul il-finali, u tilef is-service fl-ewwel logħba tat-tieni set u minkejja li salva tliet match points biex żamm is-service fid-disa’ logħba. Madankollu, Djokovic għalaq il-logħba meta kellu s-service biex kiseb ir-raba’ titlu tal-istaġun.

Minbarra li tawwal is-sensiela għal 18-il rebħa konsekuttiva, l-14-il darba rebbieħ ta’ Grand Slam rebaħ 27 minn 28 logħba mill-bidu ta’ Wimbledon. Dan kien it-32 unur Masters u t-72 titlu ATP li Djokovic rebaħ.

Tags