Lokali

Wirja ta’ mudelli ta’ kull xorta fin-Naxxar

Mijiet ta’ mudelli differenti jinsabu miġbura fis-Sala Victoria fin-Naxxar, f’esibizzjoni miġbura mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Model Engineers (AME).

F’din l-attività, li tibqa’ sejra sal-Ħadd li ġej, 21 ta’ Ottubru, wieħed jista’ jsegwi tipi differenti ta’ mezzi ta’ trasport – bl-art u bil-baħar – bħal ajruplani, ferroviji, karozzi u tankers tas-Suldati.

Membri tal-organizzazzjoni spjegaw ma’ NET News l-imħabba li l-membri jagħu lil dan il-passatemp. Kien spjegat li wħud mill-mudelli huma mibnija mill-bidunett, filwaqt li oħrajn ikunu adattati minn mudelli oħrajn mixtrija minn żmien għal żmien.

Wieħed mill-membri tal-għaqda, responsabbli mill-mudelli mibnija mill-bidunett, stqarr ma’ NET News id-dedikazzjoni li wieħed ikollu bżonn biex joħloq il-mudell. Spjega li hu, l-ewwel jipprintja stampa bil-kulur tal-mudell li jkun irid jibni, imbagħad jibni l-mudell skont skala li jiddeċiedi hu. Jgħid li l-injam u l-ħadid użati jadattahom skont id-daqs li jkun iridhom, b’uħud mill-mudelli jieħdu saħansitra sa tmien xhur biex tinbena.

Sezzjoni partikolari u li tiddomina appena tidħol fis-sala hi dik iddedikata lir-Royal Air Force, li din is-sena se tkun qed tagħlaq il-100 sena tagħha.

Fis-sala hemm 13-il kategorija ta’ mezzi ta’ trasport. U fejn hemm dwar il-ferrovija, wieħed mill-membri bena kopja eżatta tal-Istazzjon tal-Ferrovija li ftit anqas minn 100 sena ilu kien jintuża’ fil-Ħamrun.

Naturalment, il-binja llum m’għadhiex tintuża’ kif kienet oriġinarjament. Madankollu, il-membru li bena dan il-mudell stqarr magħna s-sodisfazzjon tiegħu li l-bini għadu intatt – parti minnu użat mill-għaqda tal-Iscouts u parti oħra użat minn kumpanija privata.