Futbol Sport

Draw pożittiv iżda ż-żgħażagħ Maltin kien ħaqqhom aħjar

(Ritratt: Joe Borg)

MALTA………………. 1   ĊIPRU…………………. 1

Malta: J. Galea, J. Borg, K. Zammit, K. Micallef, D. Vella, M. Guillaumier, K. Nwoko, J. Degabriele, M. Beerman (C. Mercieca 89’), M. Sansone, Z. Scerri (J. Busuttil 69’)

Ċipru: A. Christodoulou, C. Wheeler (G. Malekkidis 84’), P. Korrea, M. Spoljaric (G. Papageorgiou 73’) , A. Fragkou (M. Llia 67’), I. Pittas, H. Kyprianou, C. Hadjipaschalis, S. Ioannou, C. Soteriou, P. Psaltis

Imwissija: K. Micallef 21’, M. Sansone 86’ (M) S. Ioannou 59’, P. Korrea 63’, M. Spoljaric 68’, M. Ilia 90’ (Ċ)

Skorjaw: K. Nwoko 91’ (M), C. Wheeler 35’ (Ċ)

Referee: Admir Sehovic (Bożnja)

Assistenti Referees: Senad Ibrisimbegovic, Sreten Udovicic (Bożnja)

Rapport: Keane Cutajar

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena temm il-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew b’erba’ punti wara draw miksub lejn it-tmiem kontra Ċipru.

Għalkemm draw huwa riżultat pożittiv, żgur li ż-żgħażagħ Maltin kien ħaqqhom aħjar anke meta tħares lejn l-ammont ta’ azzjonijiet perikolużi li ħolqu lejn l-aħħar 20 minuta tal-logħba fejn saħansitra laqtu l-lasta u komplew jitjiebu aktar ma għadda l-ħin.

L-ewwel azzjoni waslet wara għaxar minuti meta Christos Wheeler kien żmarkat tajjeb, daħal fil-kaxxa u prova x-xutt. Jake Galea salva lill-Maltin b’save sabiħ fuq l-ewwel lasta u dawwar f’korner li minnu ċ-Ċiprijotti naqsu li jkunu perikolużi.

Man-nofs siegħa logħob, Ċipru reġgħu resqu viċin u reġa’ kien Galea li dawwar f’korner. Matija Spoljaric xeħet fil-kaxxa lejn Ioannis Pittas li niżżel il-ballun tajjeb qabel ittanta xortih. Ix-xutt kien mblokkat minn Jean Borg li baqa’ jippressah qabel tar minn tulu l-gowlkiper Malti.

Il-pressjoni ta’ Ċipru sarrfet f’gowl ħames minuti wara. Kien WHEELER li qata’ għan-nofs biex iltaqa’ mal-ballun li għadda minn fuq id-difiża Maltija qabel tefa’ fix-xibka x’ħin ġie wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper.

Kwarta mit-tmiem, azzjoni tajba maħduma mil-linja xellugija waslet biex Myles Beerman ikkrossja lejn Jurgen Degabriele fil-kaxxa, b’dan tal-aħħar naqas li jolqot il-ballun bir-ras kif ried anke jekk forsi kien f’pożizzjoni komda.

Minuta wara, l-istess Degabriele għamel spazju għalih innifsu, qata’ għal ġewwa u ttanta xortih ballun li deher għal ġewwa. Andreas Christodoulou kellu ideat oħra u b’akrobazija salva dak li seta’ kien il-gowl tad-draw.

Fil-81 minuta, Beerman reġa’ kien protagonist mal-linja u l-kross perikoluż tiegħu għal ftit ma ħadux Kyrian Nwoko li kien xi ftit tard bil-ballun jgħaddi lil kullħadd u jibqa’ sejjer barra. Minuta wara, Degabriele reġa’ kien żvinturat li ma niżżilx ismu fost l-iskorers hekk kif ra x-xutt tiegħu mill-kaxxa jistampa mal-lasta.

Nwoko falla ċans tad-deheb fit-83 minuta meta l-ballun waqa’ għandu fil-kaxxa wara li d-difensuri mblokkaw ix-xutt ta’ Kurt Zammit, iżda b’lasta prattikament vojta, Nwoko spara għoli.

Il-Maltin komplew jitjiebu aktar ma kemm għadda ħin u l-gowl finalment wasal fil-91 minuta meta KYRIAN NWOKO spiċċa bil-ballun f’saqajh qabel għeleb lil Christodoulou mill-viċin wara diversi tentattivi mill-attakkanti Maltin li kienu mblokkati.