Lokali

“Ġustizzja u verità” – imfakkra Daphne Caruana Galizia

Sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, is-soċjetà ċivili reġgħet ingħaqdet fil-belt Valletta b’għajta waħda: “Ġustizzja u verità.”

Hu dan l-appell ta’ eluf ta’ Maltin li sena wara għadhom qed jistennew li toħroġ il-verità dwar min ordna l-qtil tal-ġurnalista, u għal liema raġuni.

Quddiem il-monument tal-Assedju l-Kbir, li s’issa inkines għal 21 darba mix-xemgħat u fjuri ad unur Daphne Caruana Galizia, issa twaħħal banner ġdid b’wiċċ Daphne u kommemorazzjoni għaliha.

Fost diversi diskorsi, numru ta’ barranin minn diversi gruppi u entitajiet li jaħdmu għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-libertà tal-istampa. Huma tkellmu dwar il-mistħija li jġib lejn pajjiżna għall-fatt li sena wara għadna ma nafux min ordna dan il-qtil.

Spikka fost oħrajn il-messaġġ tar-rappreżentant ta’ PEN International Carles Torner.

Oħrajn innutaw kif fl-ebda pajjiż, ħlief fir-Russja, ma kien hemm tifkira għal ġurnalist jew ġurnalista li tneħħew daqs dak ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-mixja segwiet quddiesa mmexxija mir-Reverendu David Cilia, bħala l-mibgħut tal-Arċisqof Charles Scicluna li jinsab imsiefer.
Matul iċ-ċerimonja fil-Knisja ta’ San Franġisk, Cilia staqsa għalfejn il-Gvern qed jiddejjaq daqstant li ta’ kull darba jibgħat lill-ħaddiema jnaddfu l-fjuri u x-xemgħat minn quddiem il-monument iddedikat lil Daphne Caruana Galizia.

U f’ittra tal-okkażjonimibgħuta mill-Arċisqof Charles Scicluna, hu appella mill-ġdid għal ġurnaliżmu indipendenti u bla biża’ għall-verità.