Futbol Sport

Il-Brażil tirbaħ kontra l-Arġentina b’gowl lejn it-tmiem

Gowl ta’ Miranda lejn it-tmiem ta rebħa drammatika lit-tim nazzjonali tal-Brażil, hekk kif rebħu 1-0 kontra l-Arġentina f’konfront kollu Sudamerikan li ntlagħab fl-Arabja Sawdija. Id-difensur ta’ Inter għola l-aktar biex iltaqa’ ma’ korner ta’ Neymar fit-93 minuta biex rebħu f’logħba li saret fil-King Abdullah Sports City f’Jeddah.

Il-gowl ta’ Miranda xekkel il-prestazzjoni soda li kellha d-difiża Arġentina, li kkontrolla lit-tim Brażiljan għal perjodi twal. Neqsin għall-Arġentina kien hemm l-attakkant Sergio Aguero, il-winger Angel Di Maria u l-istilla tat-tim Lionel Messi.

Il-plejer ta’ Barcelona ma lagħbx fit-tliet partiti ta’ ħbiberiji li l-Arġentina lagħbet minn wara t-Tazza tad-Dinja. Jidher li Messi talab għal ftit mistrieħ mil-logħob internazzjonali, qabel il-Copa America li se ssir is-sena d-dieħla fil-Brażil.

Din kienet il-104 darba li ż-żewġ nazzjonijiet mill-Amerika ta’ Isfel iltaqgħu f’logħba uffiċjali, bil-Brażil tirbaħ 41 logħba, tlieta aktar mill-Arġentina, bis-26 logħba l-oħra jintemmu fi draw. L-aħħar logħba bejniethom kienet f’Ġunju tal-2017 f’partita ta’ ħbiberija fl-Awstralja, bl-Arġentina tirbaħ 1-0. Iżda l-Brażil rebħet l-aħħar logħba kompetittiva 3-0 f’Novembru ta’ sentejn ilu.