Lokali

Imfakkar il-Jum Dinji tal-Ikel

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Ikel, fil-Palazz tal-Verdala kienet organizzata konferenza dwar id-dritt fundamentali tal-ikel mill-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà.

Waqt din il-konferenza intqal li għalkemm ngħixu f’dinja li għandha diversi riżorsi, l-aċċess għal dawn ir-riżorsi mhux ugwali għal kulħadd. Din is-sitwazzjoni qed tiggrava minħabba ċerti sfidi bħat-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni sfurzata kif ukoll l-inugwaljanza soċjali.

Tkellimna mal-Antropologa Rachael Radmilli fejn spjegatilna kif l-affarijiet bażiċi bħall-ikel huma mdawrin f’ħafna problemi u sitwazzjonijiet ta’ livell politiku.

Il-konferenza, bl-isem ta’ “Drittijiet tal-Ikel, Privileġġ u Sigurtà: Perċezzjoni kontra Realtà” infetħet mill-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fil-bidu, tal-konferenza ġiet osservata minuta silenzju b’memorja għall-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-attivista ambjentali internazzjonali Vandana Shiva tkellmet dwar id-drittijiet tal-ikel. Shiva hi xjentista Indjana u attivista mal-partit tal-ħodor fejn hi magħruf għall-kampanja tagħha kontra l-monopolji tal-ikel u taż-żerriegħa modifikati ġenetikament. Hi ħadmet biex tippromwovi l-bijodiversità fl-agrikoltura biex tiżdied il-produttività, in-nutrizzjoni u d-dħul tal-bdiewa.

Hi sostniet li l-ikel huwa l-ħajja… il-web tal-ħajja hija web tal-ikel fejn il-bniedem huwa l-quċċata tal-piramida. Meta titwaqqaf il-produzzjoni tal-ikel b’mod sostenibbli, il-poplu jkollu jgħaddi għall-fjuwils fossili. L-ikel huwa d-diversità, hekk kif l-agrikoltura saret industrijalizzata, naqset fid-diversità.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll Matthew Camilleri, li jmexxi d-Diviżjoni tal-Politika u r-Riżorsi tal-Operazzjonijiet u Teknoloġija tas-Sajd kif ukoll l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti. Camilleri tkellem dwar il-ġustizzja tal-ikel u dwar kif jista’ jinkiseb sajd sostenibbli għas-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni, fejn irridu nassiguraw li l-baħar jagħtina biżżejjed ħut li għandna bżonn. Fatt interessanti li semma kien li mill-ħut kollu li jinqabad mis-sajjieda, 35% minnu ma jkunx tajjeb għall-ikel.

Is-suġġetti prinċipali li tqajmu waqt din il-konferenza kienu jinkludu l-importanza tas-sigurtà tal-ikel u kif l-ikel isaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin b’mod li titrawwem l-ugwaljanza u s-sigurtà.