Lokali

JUM ISWED FL-ISTORJA: Sena bla ġustizzja

Bħal-lum sena l-istorja politika ta’ pajjiżna ħadet xejra differenti…beda jinkiteb kapitlu ġdid imtebba’ bil-qtil brutali u maħsub tas-Sinjura Daphne Caruana Galizia.

Minkejja li tliet persuni f’Diċembru li għadda tressqu l-Qorti u kienu akkużati bil-qtil tagħha, il-vera persuna li fasslet il-pjan kollu għall-qtil tagħha għadu jiġġerra barra… ħieles… u, fuq kollox, ferm ’il bogħod milli jiffaċċja l-Ġustizzja.

Jekk Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Ottubru tas-sena l-oħra, kollox jindika li l-proċess għal dak li ġara bħal-lum sena seta’ skatta fi Frar tal-istess sena meta l-vittma kienet żvelat fuq is-sit elettroniku tagħha dettalji importanti tal-kumpanija sigrieta ‘Egrant’.

Fuq is-sit elettroniku tagħha Daphne Caruana Galizia kienet fissret ukoll li waqt li kienu magħrufa s-sidien ta’ tnejn mit-tliet kumpaniji sigrieti stabbiliti fil-Panama, is-sid l-ieħor ma kienx uffiċjalment magħruf.

Kienet kitbet li waħda mill-kumpaniji sigrieti kienet dik tal-Ministru Konrad Mizzi u l-oħra taċ-Chief of Staff Keith Schembri… u dan kif kien żvelat ġimgħat qabel fil-famużi ‘Panama Papers’. Madankollu hi staqsiet dwar it-tielet kumpanija sigrieta u staqsiet lil min kienet qed issejjaħ din il-kumpanija.
Fir-rapporti tagħha Daphne Caruana Galizia kienet ippuntat subgħajha fid-direzzjoni tas-Sinjura Michelle Muscat, il-mara tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Gvern fi kriżi kbira sal-punt li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu l-ebda triq oħra għajr li jiffaċċja lill-elettorat… f’elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju tas-sena li għaddiet.

Segwietha mill-qrib
Minkejja kollox min fassal il-pjan li jtajjar lil Daphne Caruana Galizia ssokta bil-pjan tiegħu u kien bħal-lum sena li min intbagħat biex isegwiha, sab il-mument adatt biex jiftaħ il-karozza li kienet qed issuq, ipoġġilha taħt is-seat il-bomba qawwijia mgeżwra f’pakkett… u… sussegwentement… attiva dik il-bomba li ħalliet lil Daphne Caruana Galizia mbiċċra u mqattgħa biċċiet f’għalqa fil-Bidnija.
Il-jum tat-Tnejn, 16 ta’ Ottubru 2017 ħasad lill-pajjiż kollu. Ix-xeni makabri mill-Bidnija daħlu prattikament f’kull dar Maltija. Mhux biss, iżda attenzjoni diretta immirata fuq pajjiżi mil-lenti ġurnalistika internazzjonali, liema ġurnalisti għadhom sal-lum ma qalgħux għajnejhom minn fuq pajjiżna.
Dak il-jum kien il-bidu ta’ triq twila ħafna li għadha tissokta tterraq sal-lum u min jaf sa kemm aktar.
L-istorja tat-tqegħid tal-bomba kulħadd jafha. Wara ġimgħat li kienet ilha segwitha mill-inħawi magħrufa bħala Tat-Tarġa minn xi ħadd partikulari, dawk li kienu assenjati li jpoġġulha l-bomba fil-karozza sabu x-xoqqa f’moxtha meta binha, lejliet l-isplużjoni, ma daħħalx il-karozza fil-binja tad-dar fil-Bidnija.
U ftit minuti biss qabel it-tokki tat-3pm, l-isplużjoni qawwija attivata b’ċellulari li mhux biss għamlet trietaq il-karozza, iżda qatlet lil Daphne Caruana Galizia li bil-kitbiet tagħha attakkat ħafna nies, kienet ta’ theddida għal numru ta’ nies oħra u weġġgħet ukoll lil numru ta’ nies.

Mandant kodard
Nies kodardi li ma kinux kapaċi jiffaċċjawha sabu li l-aħjar triq għalihom biex jeliminawha kienet dik ta’ bomba kummissjonata, qawwija biżżejjed biex jaċċertaw ruħhom li din ittajjar kollox magħha.
Pulizija lokali u oħrajn li nġiebu f’pajjiżna apposta għaddew is-sigħat jinvestigaw. Iżda kien hemm u għad hemm min hu xettiku dwar is-serjetà li biha qed isir l-istħarriġ.

Sa issa l-uniku vera żvilupp wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ fil-bidu ta’ Diċembru li għadda meta tliet persuni tressqu l-Qorti u kienu akkużati bid-delitt tagħha. Iżda ħadd għadu ma jaf min kien il-veru mandant.