Lokali

‘Daphne’ – imfakkra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, matul il-ġurnata qed titfakkar f’attività li timmarka s-sena mill-qtil brutali tagħha. Konferenza li għandha l-iskop li tfakkar il-memorja tagħha u l-legat li ħalliet warajha … konferenza li qed tfakkarha bħala ġurnalista, omm u mara li ħadmet għal dak li emmnet fih, mingħajr biża’.

Din l-attività hi organizzata mill-Membru Parlamentari Ewropew u Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament EwropewDavid Casa, u matulha qed titnieda wkoll esebizzjoni li tfakkar lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

David Casa, MEP – Mhux faċli li tieqaf lil min hu b’saħħtu u li għandu l-mezzi kollha. Meta tiqfilhom, ma jieqfu quddiem xejn biex iwaqqfuk.

L-attakki li rċevejt jien fl-aħħar ġimgħat, lanqas biss jibdew ma’ dak li kienet għaddejja minnu Daphne Caruana Galizia. Minkejja dan kollu hi baqgħet għaddejja b’xogħolha, u l-istess jien.

Iddikjara dan il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa, li organizza din l-attività, li fakkar kif min ordna l-qtil tagħha għadu jdur magħna mingħajr konsegwenzi. Wiegħed li minkejja dan, huma ħafna dawk li jibqgħu jżommu lil Daphne Caruana Galizia ħajja u li jaraw li xogħolha ma kienx għalxejn.

“Meta niġġieldu għal pajjiżna, għad-demokrazija, aħna nkunu l-vuċi ta’ Daphne Caruana Galizia. Inwiegħed li sakemm indum ħaj, jien ukoll se nkun il-vuċi tagħha. Mhux se nistrieħu, minkejja kull riskju, sakemm min ordna l-qtil tagħha, min ħadem biex fixkel xogħolha jaffaċċja l-ġustizzja,” iddikjara David Casa.

Pia Zammit, attivista – “Meta tlifna lil Daphne Caruana Galizia tlifna kumpass morali, persuna li kienet tiġġieled il-korruzzjoni. Għadna rridu nitgħallmu li l-politiċi jinsabu hemm biex iservu lill-poplu, u meta ma jsirx dan, iridu jiffaċċjaw il-konsegwenzi.”

Pia Zammit iddikjarat li l-qtil ta’ Daphne Caruana xxokkja lill-pajjiż, iżda qalet li dan il-mument kellu jiddefinixxina, ibiddel lis-soċjetà biex nuru li aħna ma naċċettawx dan, li Malta mhux dan il-qtil brutali. Fakkret kif il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wasslet għal qawmien ta’ membri mis-soċjetà ċivili li pprotestaw għal dan l-att barbaru.

John Zammit, ġurnalist u analista politiku – “Daphne Caruana Galizia mietet maħruqa, minħabba karozza bomba, bħalma fil-passat is-sħaħar kienu jiġu assassinati. U kien b’dan il-mod li l-avversarji politiċi tagħha kienu jiddeskrivuha u jpinġuha, bħala saħħara, għaliex il-verità li kienet tippubblika u tiżvela kienet iddejjaqhom.”

John Zammit innota kif mhux biss min qatilha, li ppersegwitaha, imma wkoll ġurnalisti kollegi tagħha. Fakakr kif illum-il ġurnata, diversi kmamar tal-aħbarijiet tilfu l-indipendenza tagħhom minħabba nuqqas ta’ flus, bil-konsegwenza li saru jiddependu fuq min isostnihom.

L-istess l-awtoritajiet, li saru biss mod kif il-Gvern jistaħba warajhom, ħalliex imtlew b’persuni appuntati politikament, li l-interess tagħhom hu biss li jiddefendu lil min iħaddimhom. Qabbel dan mas-Slovakkja u pajjiżi oħra, fejn omiċidji simili wasslu biex min kellu jerfa’ r-responsabbiltà politika, għamel dan.

Thomas Gibson, mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti – Sena wara għadna ma rajniex il-ġustizzja sseħħ. Minkejja l-arrest ta’ min wettaq l-eżekuzzjoni, għadna ma nafux min qabbadhom. Il-Kumitat favur il-protezzjoni tal-Ġurnalisti se jibqa’ jistinka, għaliex hemm bżonn li ssir inkjesta oħra dwar dan il-qtil. Hu perikoluż li jkollok soċjetà li taħseb li xi ħadd ħaqqu qtil simili.

Fid-diskors tiegħu, Gibson iddikjara li għandna bżonn nikkumbattu ċ-ċensura, billi nappoġġjaw lil min iwettaq investigazzjonijiet biex jikxef il-verità. Mhux aċċettabbli li jkollna impunità għal min iwettaq xi ħaġa simili. Fakkar li din mhix xi ħaġa esklussiva għal Malta biss, imma għandha tapplika għall-Ewropa kollha.

“Il-qtil tagħha seta’ jiġi evitat? Iva. L-awtoritajiet kienu wara l-kampanja kontriha? Iva. Saret ġustizzja? Le,” Innota Gibson.

Pauline Ades-Mevel, mill-grupp Reporters without Borders – L-Ewropa hu r-reġjun li l-iktar tilef fl-indiċi tal-protezzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti. DIn hi xi ħaġa tat-tħassib, fost oħrajn it-tnaqqis ta’ Malta, l-ikbar tnaqqis f’dan l-indiċi mill-Ewropa.

Ades-Mevel fissret l-eżempju ta’ Daphne Caruana Galizia bħala l-eżempju tal-impunità li jaffaċċja min iwettaq ġesti kriminali fil-konfront tal-ġurnalisti. “F’Malta biss għandna investigazzjoni li twalet għal sena sħiħa mingħajr ma nqabad min ordna dan l-att,” iddikjarat b’kundanna lejn pajjiżna.

Innutat kif fid-dawl ta’ dan kollu, l-awtoritajiet ta’ pajjiżna għadom għaddejjin bħallikieku qatt ma ġara xejn, business as usual. Hi wkoll appellat għal investigazzjoni biex isir magħruf jekk l-awtoritajiet lokali setgħux jevitaw dan il-qtil.

Joseph Farrugia, artist – Ninsabu f’Valletta 2018, imma minflok niċċelebraw, għaddejjin minn sitwazzjoni li qatt ma kellha teżisti fl-2018.

Farrugia, trejd unjonista li hu wkoll l-artist ta’ wirja artistika li qed titnieda llum f’dan l-anniversarju ikrah, tkellem dwar kif l-arti qed turi diversi valuri u karatteristiċi li kellha Daphne Caruana Galizia matul ħajjitha u xogħolha. Fost dawn, is-simbolu ta’ għasfur li kellu diversi kurrenti kontrih, iżda ma ċediex.

John Sweeney, ġurnalist – Xi kultant kont inħares lejn il-blog tagħha, naqra kitbietha u naħseb li kienet qed tesaġera. Imma meta nqatlet irrealizzajt li dak li kien inkredibbli, sar realtà u allura kellha raġun.

Il-ġurnalist tal-BBC John Sweeney rrimarka li meta jiftakar fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia xi kultant jinkwieta li l-BBC se jfakkru lilu wkoll bħala ġurnalist li xi darba jinqatel għal ħidmietu.

Innota kif il-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona fetaħ libell lil ġurnalista maqtula, xi ħaġa li qal li hi ħażina, sakemm finalment qata’ qalbu xhur wara. “L-istorja li Daphne kitbet dwaru, allura għadha tgħodd, għax ma ppruvax mod ieħor.” Tkellem ukoll dwar kif il-Prim Ministru Joseph Muscat ftit li xejn kien kredibbli meta tkellem dwar dan il-qtil.

Innota wkoll kif it-tifkira tagħha matul il-lejl tneħħa darba wara l-oħra minn quddiem il-Qorti, xi ħaġa li qabbel mal-affarijiet li jiġru fir-Russja, mhux f’pajjiż demokratiku kif wieħed jistenna minn Malta. Appella lill-attivisti biex minkejja dan ma jaqtgħux qalbhom u biex jibqgħu jfakkru lil Daphne Caruana Galizia, sakemm xi darba jew oħra jkunu l-awtoritajiet li jaqtgħu qalbhom.

Monica Macovei, Membru Parlamentari Ewropew mir-Rumanija – Daphne Caruana Galizia kienet bniedma qalbiena, b’kuraġġ li ħafna minnha ma għandniex, biex niġġieldu għall-verità li nemmnu fiha.

L-MEP Macovei, li ġiet f’pajjiżna diversi drabi għal missjonijiet biex tinstab il-verità, iddikjarat li Daphne Caruana Galizia mietet għalina, biex tipproteġina mill-korruzzjoni u biex taqbeż għar-rule of law. Innutat kif fil-missjonijiet li hi kienet parti minnhom, xtaqu jsaqsu liċ-Chief of Staff Keith Schembri, iżda kull darba dan ma ngħatax permess mill-Prim Ministru li jitkellem.

“Temmnu li dan il-Gvern jista’ jsib lil min qatilha?” stqaqsiet Macovei. “M’aħniex injuranti, ħadd minnha ma jemmen dan. Imma minkejja l-qtil ta’ Daphne, il-verità ma tistax tinqatel. Meta qatluha, kulma għamlu hu li llum-il ġurnata hawn ħafna iktar nies li qed ifittxu l-verità.”

Stelios Kouloglou, MEP u analist politiku – “Ninsab sorpriż b’dak li qed jiġri f’pajjiżna. Kont sorpriż meta smajt eks trudjonista (Tony Zarb) li ddikjara li l-aħbar tajba hi li Daphne Caruana Galizia qatt mhi se tirritorn. Sorpriż għaliex fil-Greċja mgħallma nirrispettaw lill-mejtin.”

L-MEP Grieg Stelios Kouloglou ddikjara li Daphne Caruana Galizia tat kuraġġ lil ħafna nies ispirati minnha. “Min qatilha ħaseb li se jsikkitha, minflok għamilha simbolu dinji tal-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda għall-verità.”

Tkellem dwar l-aħħar rivelazzjonijiet li l-Ministru Chris Cardona ltaqa’ ma’ wieħed mill-qattiela. Staqsa kif Ministru jista’ qatt jaħseb li ma jagħtix rendikont ta’ għemilu. “Ma kinux qed jitkellmu fuq il-futbol jew it-temp, meta dwar xiex?” staqsa Kouloglou, li ddikjara li s-silenzju mhux se jwaqqaf lil ħadd milli jiġġieled għall-verità.

Wiegħed li l-Parlament Ewropew se jaħdem bla heda biex min ordna dan i-qtil jieħu l-125 sena ħabs li qed jaffaċċja wkoll s-sid ta’ Pilatus Bank, Seyed Ali Sadr Hasheminejad. “Se nitolbu lill-Gvern Malti biex jiġi quddiem il-Parlament u jagħti r-risposti, lill-Ministru biex jgħidilna x’qal u għaliex iltaqa’ ma’ wieħed mill-qattiela. Mhux lesti niddiżappuntaw la lill-poplu Malti u lanqas lil Daphne Caruana Galizia.”

Ana Gomes, Membru Parlamentari Ewropew – “F’dak li qed jiġri f’Malta, m’hemm xejn li soċjalist jew Labour u ninsabu mħassba. Qed inxommu biss riħa ta’ korruzzjoni. Bħala soċjalista li temmen verament fl-ideoloġija tagħna, ma nistax nibqa’ siekta u ma nagħmel xejn. Aħna mdorrijin naħdmu kontra l-kriminali.”

Gomes, li kienet iltaqgħet ma’ Caruana Galizia qabel il-qtil tagħha, qalet li fil-ħidma tagħha dejjem iktar irrealizzat li dak li kienet qaltilha l-ġurnalista Maltija kienet il-verità. Stqarret li kull ħaġa li qed tiġri f’Malta tkompli tikkonferma li dak li qalet Caruana Galizia kien il-verità.

Hi appellat lis-Soċjalisti sħabha biex jieħdu azzjoni u mhux biss jitkellmu dwar il-qtil tagħha, għaliex fakkret kif għadna ma nafux min ikkummissjona l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

“L-Ewropa trid investigazzjoni serja, investigazzjoni propja għaliex din mhix tiġri, minkejja li hi xi ħaġa kruċjali. Persuni u xhieda bħall-Ministru Chris Cardona lanqas biss ġew mitkellma mill-Pulizija, li lanqas biss issottometta l-call logs tiegħu. Minflok, il-Maġistrat Vella li konna tkellimna miegħu waqt li kien qed jinvestiga l-każ, spiċċa promoss biex jeħilsu minnu,” fakkret Gomes.

Hi appellat għal investigazzjoni internazzjonali u serja. “Il-Gvern Malti, li jiddikjara li ġej mill-familja tagħna, ta’ Laburisti u Soċjalista, minflok għadu jippersisti li jilqa’ fi ħdanu kriminali bħal Keith Schembri,” iddikjarat Gomes waqt li ngħatat ovazzjoni minn dawk preżenti.

Lawrence Gonzi, Eks Prim Ministru – “Daphne Caruana Galizia minn jedda għażlet li tirriskja ħajjitha, u tilfitha, biex tkun ġurnalista investigattiva. Setgħet tagħlaq għajnejha u widnejha għal dak li qed jiġri madwarna, imma ma għamlitx dan.”

L-eks Prim Ministru ta’ Malta, staqsa x’ġara lil pajjiżna li hu ffurmat prinċiparjament minn persuni li jħobbu u jingħaqdu flimkien. Matul is-snin, flimkien għelibna l-isfidi tal-gwerra u ta’ problemi globali finanzjarji. “Pajjiżna għandu biss ir-riżorsa tal-kumpassjoni u ġenerożità,” innota Lawrence Gonzi, li madankollu wera kif il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wera faċċata oħra ta’ Malta.

“Ilkoll kemm aħna messna qomna quddiem il-qtil ta’ waħda minnha. Fejn marret il-kuxjenza tagħna, li twarrab dak kollu partiġġjan u personali biex infittxu l-ġid komuni?” staqsa l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.