Sport Sport Ieħor

Tliet atleti minn Team Noel se jirrappreżentaw lil Malta fir-Repubblika Ċeka u fi Franza

Mix-xellug: Diane Schembri, Celeste Galea u Keith Azzopardi

F’ġimagħtejn tliet atleti mill-klabb Ying Yang Team Noel se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta f’żewġ pajjiżi differenti.

Diane Schembri se tkun qed tirrappreżenta lil pajjiżha f’tournament tal- kickboxing fir-Repubblika Ċeka fid-19 t’Ottubru. Schembri se tiġġieled f’tournament għan-nisa ssanzjonat mill-World Kickboxing Network (WKN), bl-attendenza tal-President Stephan Cabrera.

F’dan it-tournament Schembri se tkun fost tmien parteċipanti li ġejjin mill-Ġermanja, il-Bożnja, Franza, il-Polonja, l-Italja, u mir-Repubblika Ċeka stess. Il-livell tal-atleti parteċipanti se jkun Pro u Semi-Pro.

Din hija t-tieni ġlieda għal Schembri barra minn xtutna, hekk kif f’Ġunju li għadda ssieltet għal titlu tal-WKN f’Belfast. Fir-Repubblika Ċeka Schembri se tkun akkumpanjata mill-kowċ tagħha Master Noel Mercieca.

Ġimgħa wara, Master Noel se jerġa’ jakkumpanja żewġ atleti oħra; din id-darba fi Franza. Keith Azzopardi u Celeste Galea se jiġġieldu f’Pariġi waqt l-avveniment Fighters Level Up fis-27 t’Ottubru. Azzopardi, li huwa atleta professjonali u Champion Ewropew, se jiġġieled bout ta’ K1 3×3 kontra atleta Franċiż. Galea se tiġġieled bout ta’ K1 4×2, li se tkun l-ewwel waħda tagħha barra minn xtutna.

It-taħriġ li għamlu l-atleti Maltin fl-aħħar ġimgħat, u anki dawn il-ġlidiet infushom, għandhom iservu wkoll ta’ preparament u iżjed esperjenza għall-ġlidiet li se jikkompetu fihom fil-10 Novembru li ġej waqt il-21 edizzjoni tal-Gladiators fil-Padiljun ta’ Kordin.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt ma’ Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew jidħol fil-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.