Internazzjonali

L-IŻVILUPP POTENZJALI TAT-TFAL: Malta mal-aħħar ħamsa fl-UE

Rapport li deher f'In-Nazzjon tal-lum

Indiċi ġdid ippubblikat il-ġimgħa li għaddiet mill-Bank Dinji (World Bank) juri li l-iżvilupp potenzjali tat-tfal f’Malta – ibbażat fuq żewġ fatturi ewlenin: is-saħħa u l-edukazzjoni – hu biss ta’ 70 fil-mija u hu inqas mill-medja tal-pajjiżi bl-istess qawwa finanzjarja.

Dan l-indiċi, imsejjaħ il-Human Capital Index, jagħti dettalji dwar il-qagħda ta’ 157 pajjiż f’dan ir-rigward u jpoġġi lil Malta fid-39 post. Dan hu pjuttost ’l isfel meta jitqabbel mal-kumplament tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, tant li Malta hi fl-24 post mit-28 membru tal-Unjoni Ewropea u taqbeż biss lil-Lussemburgu, is-Slovakkja, il-Bulgarija u l-Greċja.

Permezz ta’ dan l-indiċi, il-Bank Dinji jistudja ħames aspetti partikulari fl-iżvilupp potenzjali tat-tfal f’kull pajjiż:
● Ir-rata tat-tfal li jibqgħu ħajjin wara l-età ta’ 5 snin
● Kemm hu mistenni li tifel jibqa’ fis-sistema edukattiva wara li jagħlaq l-4 snin
● Kemm hi r-rata ta’ dak li t-tfal jiksbu mill-edukazzjoni tagħhom
● Kemm minn dawn it-tfal jibqgħu ħajjin sal-età ta’ 60 sena
● Kemm l-iżvilupp tas-saħħa fit-tfal hu qawwi

Mit-tweġibiet li l-Bank Dinji jagħti għal dawn il-mistoqsijiet jirriżulta li 99 minn kull mija li jitwieldu f’Malta jgħixu 5 snin u aktar.

It-tfal Maltin li jibdew l-edukazzjoni tagħhom ta’ 4 snin hu mistenni li b’kollox jagħmlu, fiżikament, 13.3 sena fl-iskola, sal-età tat-18-il sena. Iżda meta jittieħdu f’konsiderazzjoni kemm it-tfal jiksbu minn dawn is-snin fl-edukazzjoni, l-ammont tas-snin jinżel għal 10.1.

L-istudenti Maltin jiksbu 474 punt, fuq skala fejn il-massimu hu 625 u l-minimu hu 300, għal dak li fil-fatt jirnexxilhom jakkwistaw mill-edukazzjoni tagħhom.

Iċ-ċifri juru wkoll li 95 fil-mija tat-tfal Maltin ta’ 15-il sena huma mistennija jibqgħu ħajjin mill-inqas sas-60 sena.

Dan kollu jwassal biex skont il-Human Capital Index, tifel li jitwieled f’Malta llum ikun biss 70 fil-mija produttiv meta jitqabbel ma’ dak li potenzjalment jista’ jilħaq kieku, fi kliem ir-rapport, ikollu “complete education and full health”.

L-istess rapport jgħid li bejn l-2012 u l-2017, is-sitwazzjoni ta’ Malta f’dan ir-rigward baqgħet ma ċċaqalqitx u fil-waqt li r-rata ġenerali Maltija hi ogħla mill-medja tal-pajjiżi fl-istess reġjun, hi inqas mill-medja tal-pajjiżi bl-istess qawwa finanzjarja.

Fl-ewwel 10 postijiet tal-Human Capital Index 2018 hemm Singapore, il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Awstralja, il-
Kanada, l-Olanda u l-Iżvezja.