Futbol Sport

Rubin Kazan sospiżi għal sena mill-UEFA

Il-UEFA ħabbret li l-klabb Russu ta’ Rubin Kazan jinsab sospiż milli jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet tal-Ewropa għal staġun wieħed. Dan wara li l-klabb kien abbuża mir-restrizzjonijiet imposti fuqu taħt ir-regoli tal-financial fair play.

Stqarrija mill-UEFA għamlitha ċara li s-sospensjoni ssir effettiva f’każ li Rubin Kazan jikkwalifikaw għall-Ewropa fiż-żewġ staġuni li jmiss. Ingħad ukoll li d-deċiżjoni ttieħdet ‘b’konnessjoni ma’ abbuż tal-ftehim ( dwar il-fair play) iżda ma ngħatawx dettalji speċifiċi.

Il-UEFA introduċiet ir-regoli tal-fair play f’tentattiv biex individwi u gruppi sinjuruni ma jixtrux is-suċċess b’sempliċi investimenti ta’ flus bla rażan fi klabbs partikulari. Taħt dawn ir-regoli, il-klabbs huma projbiti milli jonfqu aktar mid-dħul li jiġġeneraw bħala entità sportiva.

Dawk il-klabbs li jiksru r-regoli, is-soltu, jilħqu ftehim (settlement agreements) mal-UEFA li bihom jaċċettaw restrizzjonijiet għat-trasferimenti u d-daqs tal-iskwadri għall-istaġuni stabbiliti.

Kelliema għall-klabb ta’ Rubin Kazan naqsu li jikkummentaw dwar is-sitwazzjoni attwali.