Sport Sport Ieħor

TENNIS : Se jintroduċu ‘tie-breaks’ għas-sett finali f’Wimbledon mill-2019

Kelliema għall-All England Lawn Tennis Club (AELTC) ħabbru li mis-sena d-dieħla se jibdew jintlagħbu t-tie-breaks fis-sett finali ta’ Wimbledon f’każi fejn il-punteġġ ikun ta’ 12 bi 12.

Id-deċiżjoni ttieħdet wara s-sett finali tas-semi-finali ta’ din is-sena (f’Wimbledon) bejn Kevin Anderson u John Isner li damet għal kważi tliet sigħat. Wara din il-logħba maratona, Anderson, li hu mill-Afrika f’Isfel, u li eventwalment rebaħ is-sett 26-24, kien sejjaħ għal ‘bidliet fis-sistema’.

L-AELTC, issa, qal li ‘wasal iż-żmien’ biex jintroduċu metodu ta’ tie-break ‘f’ħin raġonevoli’ fir-rigward tas-sett deċiżiv.
Għaldaqstant, taħt din is-sistema, ir-rebbieħ se jkun l-ewwel plejer jew tim li jikseb seba’ punti u fejn ikollu vantaġġ ta’ żewġ punti jew aktar.

L-imsemmija logħba bejn Anderson u Isner kienet it-tieni l-itwal fl-istorja tat-tournament ta’ Wimbledon.

Isner kien involut ukoll fl-itwal logħba, meta t-tennista Amerikan kien għeleb lil Nicolas Mahut, ta’ Franza, 70-68, fis-sett finali tal-logħba tal-ewwel rawnd, fl-2010.

Issa, iċ-Chairman tal-AELTC, Philip Brook, qal li l-entità li jmexxi jemmen li tie-break f’każi fejn il-punteġġ ikun ta’ 12-12 hu ideali għall-plejers fil-vantaġġ biex jikkonkludu l-logħba, minbarra li jaċċerta li l-logħba tasal f’konklużjoni fi żmien aċċettabbli.

Skont l-AELTC, id-deċiżjoni ttieħdet wara reviżjoni tad-data tal-logħob mill-aħħar 20 kampjonat u wara konsultazzjoni mal-plejers u l-uffiċjali.

L-introduzzjoni tat-tie-breaks fiċ-ċirkustanzi msemmija tapplika wkoll għall-avvenimenti kollha ta’ Wimbledon – f’dan il-każ, il-logħob ta’ kwalifikazzjoni; il-kompetizzjonijiet (individwali) għall-irġiel u n-nisa; il-logħbiet mixed kif ukoll is-singles u d-doubles tal-juniors.