Għawdex Lokali Unjoni Ewropea

Għawdex jibqa’ prijorità għall-PN

Konferenza organizzata minn Roberta Metsola f'Għawdex

Il-prijoritajiet u l-isfidi tal-Għawdxin tpoġġew taħt il-lenti waqt konferenza annwali, li kellha t-tema “Għawdex jikber bħala Reġjun: Saħħa, Trasport, Fondi Ewropej”, organizzata mill-MEP f’isem il-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola.

L-attività saret f’Għawdex u ġiet indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, minn Roberta Metsola, mid-Deputati Għawdxin u minn diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet u NGOs f’Għawdex.

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li d-diffikultajiet li l-Għawdxin għaddejjin minhom minħabba n-nuqqasijiet tal-Gvern jeħtieġ jiġu indirizzati.

L-Għawdxin mhux qed jingħataw għażla fejn jidħol ix-xogħol, tenna Adrian Delia, filwaqt li fakkar kif fl-istess waqt ftit tal-jiem ilu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern irid jibda jaħdem fuq id-drittijiet tar-robots.

Iżda tenna li qabel xejn, irridu nitkellmu dwar id-drittijiet tal-ħaddiema, tal-Għawdxin, ta’ min qed ifittex xogħol u ta’ min irid jitħarreġ.

Adrian Delia fakkar li fil-lista ta’ toroq li l-Gvern qal li se jsiru, Għawdex mhux inkluż. U fis-Saħħa, kellu jkun il-Partit Nazzjonalista li jmur il-Qorti biex jitwaqqaf il-frakass li l-Gvern qed jagħmel f’dan is-settur. Tenna li Għawdex mhux fuq l-aġenda tal-Gvern u għalhekk qed ibatu l-Għawdxin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista faħħar lil Roberta Metsola għall-ħidma tagħha, b’kuntatt kontinwu man-nies. Hu qal li Roberta Metsola għandha l-kapaċità li tisma, tifhem, twassal u taġixxi fuq dak li jħossu n-nies.

Min-naħa tagħha, Metsola qalet li hekk kif bħalissa qed jiġi nnegozjat il-Baġit Finanzjarju li jmiss tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern għandu jassigura li jġib l-akbar ammont ta’ fondi possibbli għal pajjiżna, kif għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti.

Roberta Metsola tenniet li anke llum, l-istatus speċjali għal Għawdex li nnegozja Gvern Nazzjonalista jrid jissarraf f’aktar fondi biex isiru inizjattivi u proġetti f’din il-gżira biex jinħolqu aktar impjiegi u titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Għawdxin.