Lokali

Għexieren fil-kju għall-kontenituri tal-iskart organiku jiem qabel tibda din is-sistemà ġdida

Jiem biss qabel il-bidu tat-tħaddim tal-iskema tal-ġbir ta’ skart organiku, għexieren ta’ persuni mlew il-pjazza ta’ Raħal Ġdid fi kju biex jakkwistaw il-kontenituri li għandom bżonn biex jiġbru dan l-iskart fi djarhom.

Ir-ritratti li waslu għand Net News jikkonfermaw dak li ilu jingħad għall-aħħar ġimgħat, jiġifieri li pajjiżna nqabad f’sitwazzjoni li mhux preparat biex din l-inizjattiva tibda titħaddem fil-ħin.

Minkejja dan, min jinqabad ma jżommx mar-regolamenti dwar il-ġbir tal-iskart jingħata għall-bidu se jkun qed jingħata twissija u ‘l quddiem se jkun hemm pieni għal min ma jħarisx dawn ir-regolamenti.

Dan filwaqt li hemm diversi lokalitajiet fejn għadu ma sarx it-tqassim ta’ dawn il-kontenituri u ħafna persuni għadhom bla ħjiel dwar il-ħinijiet tal-ġbir tal-borża l-bajda fiż-żoni tagħhom.

In-nuqqas ta’ pjan dwar it-tqassim ta’ dawn il-kontenituri issa ħareġ fiċ-ċar f’diversi lokalitajiet. Fost oħrajn fil-Mosta, fejn tqassam mitt kontenitur iżda għadha ma nstabitx soluzzjoni kif se jitqassmu l-kumplament.

Dan għaliex jidher li kien hemm ftehim li l-Girl Guides tal-lokalità jqassmu elf kontenitur. Meta dawn tqassmu, kien għad fadal 6, 750 kontenitur ieħor x’jitqassam.