Lokali

Is-Soċjalisti Ewropej iridu li l-bejgħ tal-passaporti jkun projbit fl-UE

Kundanna bla riservi. Il-Partit tas-Soċjalisti Ewropej (S&D) iddeċieda li jitlob lill-Unjoni Ewropea  biex tipprojbixxi l-iskemi ta’ bejgħ ta’ passaporti  – inkluża l-iskema ta’ Malta – u dan għaliex tali skemi jpoġġu l-integrità u s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea  f’periklu serju.

Stqarrija f’dan is-sens ħarġet mill-Grupp Parlamentari tal-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi – li magħhom hemm it-tliet MEPs Laburisti Maltin (Alfred Sant, Marlene Mizzi u Miriam Dalli) – ħarġet nhar it-Tnejn li għadda wara laqgħa tal-Kumitat tal-UE li jikkonsidra kriminalità finanzjarji  u l-evażjoni tat-taxxa.

F’din il-laqgħa l-membri  soċjalisti ddiskutew  ir-riskju  ta’ ħasil ta’ flus  li jirriżulta minn skemi ta’ ċittadinanza  u/jew permessi ta’ residenza f’pajjiżi Ewropej, ma’ esperti tal-OECD  u ta’ Global Witness.

Min-naħa tagħhom, tliet MEPs Soċjalisti (Jeppe Kofod, Peter Simon u Pervenche Beres) għamlu dikjarazzjoni dettaljata dwar il-pożizzjoni tal-partit tagħhom f’dan ir-rigward.

Fl-aktar parti rilevanti tal-istqarrija tagħhom, dawn id-deputati Soċjalisti jgħidu hekk: golden visa schemes pose a great risk to the EU’s integrity and security  and should be banned. EU passports and visas are not and should not  be a commodity.

Mhux magħruf x’kienet il-pożizzjoni tal-MEPs tal-Labour fi hdan il-Grupp tagħhom dwar din it-tema taħraq iżda hu magħruf li kull meta jqum dan is-suġġett fil-Grupp Soċjalista, id-deputati  tal-Labour Maltin ikunu iżolati.

Lanqas mhu magħruf x’se tkun il-pożizzjoni tal-Labour fir-rigward tal-Partit Soċjalista Ewropew issa li qed toqrob l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew u, allura kull vot li jingħata f’Malta lill-PL se jkun qed isaħħaħ lill-S&D fil-Parlament Ewropew li jrid li l-iskemi bħal dawk ta’ Malta jkunu projbiti fl-UE.