Lokali

Jinġabru iktar minn €921,000 għat-tieni ‘Djar Bjorn’ – mara toffri wkoll id-dar tagħha

Il-ħolma ta’ Bjorn Formosa, li persuni li jsofru mill-ALS f’pajjiżna jkunu jistgħu jużaw it-tieni dar f’pajjiżna, hi pass eqreb li ssir realtà.

Dan hekk kif, waqt il-programm Xarabank tal-Ġimgħa filgħaxija, inqabżet is-somma ta’ €921,856 b’risq dan il-proġett ambizzjuż. Dan apparti diversi għotjiet ġenerużi oħra, fosthom dik ta’ mara li offriet id-dar tagħha biex tintuża skont il-bżonnijiet tal-Fondazzjoni ALS.

Il-bżonn li tinbena dar ġdida mmexxija mill-Fondazzjoni ALS Malta qam wara li għaxar xhur biss mit-tlestija tal-ewwel dar f’Ħal Qormi, it-tlettax-il kamra tagħha mtlew u hemm lista konsiderevoli ta’ stennija minn pazjenti oħra fil-bżonn tal-għajnuna

Ix-xewqa hi li t-tieni residenza fil-komunità mhux biss tkun ikbar mill-ewwel waħda, imma wkoll ikollha iktar faċilitajiet. Il-pjan hu li din id-dar tkun lesta u tilqa’ l-ewwel pazjenti tagħha fi żmien sentejn.