Internazzjonali

L-Arabja Sawdija qalet li l-ġurnalista Khashoggi ‘inqatel fi ġlieda’

Il-każ tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi , ħa dimensjoni ġdida, bit-televiżjoni tal-Arabja Sawdija qed tgħid li hu ‘spiċċa maqtul waqt ġlieda fil-konsulat tas-Sawdi, f’Istanbul (fit-Turkija). Ir-rapporti qalu li l-viċi-kap Sawdi għall-affarijiet sigrieti, Ahmad al-Assiri u Saud al-Qahtani, li hu kollaboratur ewlieni tal-Prinċep Sawdi, Mohammed Bin Salman, spiċċaw imkeċċija mill-karigi rispettivi b’konnessjoni mal-każ.

Fl-ewwel kummenti wara li dan ġie magħruf, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li dak li seħħ huwa ‘inaċċettabbli’ iżda qal ukoll li l-Arabja Sawdija hi alleata importanti ta’ Washington.

Din hi l-ewwel darba li l-Arabja Sawdija ammettiet li Jamal Khashoggi hu mejjet.
L-istqarrija, fil-fatt, segwiet ġimgħatejn ta’ ċaħdiet li l-Arabja Sawdija setgħet kellha xi involviment fl-għajbien tal-ġurnalista prominenti Sawdi — li kien kritiku kbir tal-Gvern Sawdi – meta hu kien daħal fil-konsulat ta’ Istanbul, fit-2 ta’ Ottubru, bil-għan li jieħu xi dokumenti relatati għaż-żwieġ tiegħu li kien ippjanat għal aktar ‘il quddiem.

L-Arabja Sawdija kienet spiċċat taħt dejjem aktar kritika biex tispjega l-għajbien ta’ Khashoggi wara li uffiċjali Torok qalu li l-ġurnalista ‘kien inqatel bi ħsieb’ ġewwa l-konsulat u li ‘il-katavru kien tqatta’ biċċiet’. Fl-aħħar sigħat, il-pulizija Torka firxet it-tfittxija mill-artijiet tal-konsulat għal qalb foresta fil-qrib. Dan meta jaħsbu li l-qattiela tal-ġurnalista setgħu disponew mill-katavru fl-artijiet partikulari.

Sadanittant, wieħed irid jara jekk pajjiżi tal-Punent li huma alleati tal-Arabja Sawdija jaslux biex jieħdu azzjoni punittiva kontra dan l-Istat Għarbi.

Fil-fatt, l-osservaturi ma jaħsbux li t-Tmexxija Sawdi se tiżgiċċa mill-każ ‘qisu qatt ma kien xejn’ wara li ammettiet ( wara ħafna żmien) li Khashoggi miet tassew fil-konsulat ta’ pajjiżhom fit-Turkija. Lanqas mgħandhom ikunu biżżejjed it-tkeċċijiet tal-uffiċjali u xi arresti konnessi mal-każ.

L-uffiċjal ewlieni mkeċċi tas-Sawdi, Ahmed al-Assiri, sa ftit ilu kien qed jaġixxi bħala kelliem ewlieni għall-Arabja Sawdija dwar il-gwerra fil-Jemen u fejn iddefenda dejjem l-aġir tas-Sawdi fiċ-ċirkustanzi.