Lokali

Persuna tiddaħħal l-isptar wara li kielet mussels kontaminati

Kien każ ta’ persuna li ddaħħlet l-Isptar Mater Dei għall-kura li wasslet biex isir magħruf li f’pajjiżna ġew impurtati mussels kontaminati mill-Italja.

Ikkonferma da nil-Ministeru tas-Saħħa, jiem wara li l-istess Ministeru għamel rapport fuq il-pjattaforma RASSF li hu mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea li jallerta lill-pajjiżi dwar kontaminazzjoni fl-ikel.

F’risposti lil dan is-sit, li kien l-ewwel li żvela l-periklu ta’ din il-kontaminazzjoni, il-Ministeru tas-Saħħa stqarr li l-persuna involuta kienet ikkonsmat mussels mhux miftuħa minn ristorant.

L-awtoritajiet tas-saħħa nvestigaw il-każ u ġew elevati xi kampjuni tal-istess mussels li ntbagħtu barran minn pajjiżna għall-analiżi. Sadattant, bħala prekawzjoni, il-mussels kollha ġew konfiskati u aktar tard distrutti.

Mistoqsija jekk fis-suq għadx hawn minn dawn il-mussels kontaminati, il-Ministeru tas-Saħħa avża li minħabba n-natura tal-prodott u li dan il-prodott idum biss ftit jiem fis-suq, il-lott partikolari nġabar kollu.

Sadattant it-testijiet li saru fuq mussels impurtati mill-Italja lejn Malta wasslu għal riżultati pożittivi ta’ mikrobi u batterji (bacteria) li fost oħrajn jistgħu jwasslu għal mard bħall-kolera, E. coli u s-salmonella.

Fl-Italja, din l-aħbar qed tqajjem allarm hekk kif qed ikun użat l-eżempju ta’ 35 sena ilu, meta f’Napli kienet inħolqot epidemija tal-kolera li wasslet għall-mewt ta’ 24 persuna. Dakinhar, fost l-oħrajn kien hemm il-mussels kontaminati fil-mira tal-ħtija.

Mhux magħruf lanqas kemm damu l-awtoritajiet ma rrealizzaw b’din il-kontaminazzjoni, anke għaliex fl-Italja, minn fejn ġejjin dawn il-mussels, it-twissijiet ilhom għall-aħħar ġimgħat minħabba kontaminazzjoni fl-ibħra li jdawru l-pajjiż ġar tagħna. Mhux infurmati lanqas jekk, fid-dawl ta’ dan, twaqqfitx l-importazzjoni mill-Italja.

Tant hu hekk li jiem qabel li l-Ministeru tas-Saħħa ta’ Malta ħareġ twissija Ewropea, l-Italja wkoll kienet għamlet rapport simili dwar kontaminazzjoni fil-mussels ħajjin.