Lokali Qorti

Silvio Zammit jitlob li każ ikun dikjarat magħluq jekk evidenza ddum ma titressaq

Jekk jgħaddu diversi seduti u l-prosekuzzjoni tonqos milli ġġib l-evidenza dwar każ partikolari, allura l-evidenza għandha tkun dikjarata bħala magħluqa.

Hu dan l-iskop ta’ protest ġudizzjarju mressaq minn Silvio Zammit fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, fejn jintalab biex tinbidel klawżola fil-Kodiċi Kriminali ta’ pajjiżna.

Il-protest ġudizzjarju tressaq hekk kif Zammit, akkużat li talab li jixxaħħam biex jinfluwenza tibdil f’liġi Ewropea dwar it-tabakk, ilu għal żmien twil għaddej bi proċeduri fil-qrati lokali. Dan għaliex xhieda li fadal jixhed, Inge Delfoss, qed jirrifjuta li jiġi f’pajjiżna u jixhed frott biża’ li jinkrimina ruħu.

Id-difiża ta’ Zammit talbet li fid-dawl ta’ dan ikun dikjarat li l-evidenza hi magħluqa, xi ħaġa li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali rrifjutaw li jagħmlu. Zammit diġà kien ingħata raġun mill-Qorti tal-Appell li sabet li nkisrulu d-drittijiet tiegħu għaliex il-każ twal wisq.

Minkejja dan, Zammit jisħaq li la l-Kummissarju tal-Pulizija u lanqas l-Avukat Ġenerali ma ħadu azzjoni, bl-avukati tiegħu Edward Gatt u Kris Busietta juru tħassib li s-sentenza qed tiġi njorata.