Lokali

Eżerċizzju ta’ tiftix fil-kompjuters u s-servers ta’ Kastilja

WARA LI L-PROGRAMM SORSI INFURMATI FUQ NET TV ŻVELA L-PJANI MINN PERSUNI QRIB IL-PRIM MINISTRU

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra f’Kastilja rrenja paniku b’riżultat ta’ informazzjoni sensittiva li twasslet lill-midja tal-Partit Nazzjonalista, b’mod partikulari dik marbuta mat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija attwali u l-ħatra tas-sitt Kummissarju tal-Pulizija fl-era tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

B’riżultat ta’ dan il-paniku fi tmiem il-ġimgħa l-oħra – kemm is-Sibt kif ukoll il-Ħadd – tqabbdu esperti biex janalizzaw kompjuters u servers f’Kastilja għal xi korrispondenza elettronika li setgħet għaddiet għand il-midja tal-Partit Nazzjonalista tramite l-mod elettroniku jew inkella printjata u mgħoddija hard copy lilna. Is-sorsi infurmati tagħna qalulna li saħansitra anke l-fotokopijers ġew iċċekkjati ħalli jkun stabbilit min għamel użu minnhom permezz tal-kodiċi li għandu kull impjegat biex juża l-fotokopijer.

Il-kjass kollu nqala’ hekk kif fil-programm ‘Sorsi Infurmati’ fuq NET TV ġie żvelat dak li kien qed jintgħaġen b’rabta mat-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar u l-ħatra tas-Supretendent Ian Abdilla bħala l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

Kastilja kienet qed taħdem dan il-pjan bl-aktar mod strett u saħansitra anqas kienet qed tinforma lill-Ministru tal-Intern Michael Farrugia, li fil-verità ftit li xejn jingħata importanza minn dawk qrib ta’ Joseph Muscat.

L-inkwiet ta’ Kastilja hu li wara li kienet żvelata din l-aħbar – li ħasdet ukoll lill-istess Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar għaliex se mai postu kien ippjanat li sussegwentement jingħata lil Angelo Gafà, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni – allura fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jistgħu jkunu żvelati aktar pjani li fuqhom tkun qed taħdem Kastilja.

Fost l-oħrajn bl-eżerċizzju ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet fejn esperti tal-IT u s-Sigurtà Diġitali kienu skrutinati ħafna kompjuters u xi servers, issa jidher li hemm kontroll akbar fuq dak kollu li jkunu qed jagħmlu l-impjegati – f’kull livell – ġewwa Kastilja. Nifhmu li anki sar eżerċizzju ma’ nies pożizzjonati fil-MITA, l-aġenzija diġitali tal-Gvern, biex ikun mistħarreġ it-traffiku ta’ korrispondenzi li jistgħu jitwasslu lill-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Sadattant b’rabta ma’ dak li ġara nhar il-Ħadd li għadda f’Kastilja, saret enfasi wkoll ma’ dawk konċernati mit-tfassil tal-Baġit għas-sena d-dieħla u li mistenni jitressaq fil-Parlament għada, biex ikun hemm sigurtà stretta fuq il-kalkoli li saru biex wasslu għad-diskors aħħari. Dan għaliex grupp ristrett ta’ ftit persuni biss għandhom id-dokumenti kollha li juru kif qed jinħadem is-surplus li jiftaħar bih il-Gvern u kif qed jiġu mqassma l-flejjes ġejjin mill-bejgħ tal-passaporti.