Edukazzjoni Lokali

Is-sitwazzjoni tal-barranin qed toħloq pressjoni fuq is-sistema edukattiva

L-att dwar l-edukazzjoni li dwaru l-MUT ipprotestat b’ġurnata ta’ luttu f’Jum l-Għalliema u kienet ukoll ordnat strajk, kien sar dwaru proċess ta’ konsultazzjoni pubblika fis-sena 2016. L-MUT dakinhar tat ir-rispons tagħha għal dan l-abbozz. Imma minn dik id-data sal-lum, l-MUT qatt ma rat id-dokument u kien biss li saret taf dan is-sajf li l-abbozz ta’ liġi li se jemenda l-att dwar l-edukazzjoni tressaq quddiem il-Parlament u kien diġà għadda mill-istadju tal-Ewwel Qari u li kien se jibda wkoll l-istadju tat-Tieni Qari.

Marco Bonnici qal li malli l-MUT saret taf b’dak li ġara minn wara dahar kulħadd, sejħet konferenza tal-aħbarijiet biex tressaq l-oġġezzjonijiet tagħha.

B’kollox l-MUT ħarġet b’seba’ punti ta’ kontestazzjoni li kienu punti ta’ prinċipju. L-iktar li għamlet ħoss kienet il-kontroversja dwar il-warrant tal-għalliema. Dan għaliex kontra dak kollu li ntqal il-warrant tal-għalliema ma kienx se jibqa’ permanenti u kien se jsir warrant li jiskadi għaliex il-gvern rabtu ma’ taħriġ kontinwu. Tant hu hekk li fil-liġi l-ġdida hemm tliet klawsoli partikolari li jorbtu l-warrant ma’ taħriġ kontinwu u li jitfgħu piż kbir fuq l-għalliem għaliex jekk ma jsegwix dan it-taħriġ il-warrant jiġi sospiż.

Mistoqsi jekk l-għalliem jirċevix diġà ammont ta’ taħriġ, Marco Bonnici qal li l-MUT hi assolutament favur it-taħriġ tant li l-ftehim settorjali li sar riċentement bejn il-Gvern u l-MUT it-taħriġ kien punt kruċjali. Imma l-argument tal-union hu li la diġà hemm ftehim settorjali li jesiġi t-taħriġ u dan qed jiġi rispettat mill-għalliema, għalfejn kien hemm bżonn li jkun hemm punt ieħor fil-liġi. Fl-att kienet se tidħol ukoll li biex edukatur f’livelli oħrajn ikollu liċenzja iżda ma hemmx ċar x’tip ta’ kwalifiki qed jintalbu, madankollu anke għal din il-liċenzja kien hemm marbut il-punt ta’ taħriġ kontinwu.

Marco Bonnici qal li fl-Att kien hemm affarijiet tajbin imma kien hemm punti difettużi li kienu frott ta’ nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Gvern. La darba l-azzjonijiet industrijali waslu għall-irtirar ta’ dan l-abbozz, l-MUT baqgħet taħdem biex il-punti ta’ kontestazzjoni jitranġaw u għalhekk saret enfasi mal-Gvern biex jitneħħew il-punti tal-warrant, ser tiddaħħal ir-referenza għall-kwalifika u hemm qbil ukoll fuq il-prinċipju tal-punti l-oħra li kienu meqjusa problematiċi.
Din il-ġimgħa stess il-Union tal-Għalliema rċeviet id-dokument il-ġdid biex issa tibda diskussjoni dwar l-abbozz il-ġdid qabel dan jitressaq il-Parlament.

In-nuqqas tal-għalliema
Dwar in-nuqqas ta’ għalliema, Marco Bonnici u Norman Grech qalu li fl-aħħar ġimgħat il-Gvern qal li mhuwiex minnu li kien hemm dan in-nuqqas, imma l-MUT baqgħet tinsisti li dan in-nuqqas jeżisti. L-MUT qalet li l-problema għalkemm mhux kbira daqs is-snin li għaddew, għadha teżisti. Norman Grech qal li ftit huma l-klassijiet bla għalliema imma dan qed isir mhux għax hemm żieda fl-għalliema imma għaliex żdied ix-xogħol tal-għalliema, żdied il-piż li jridu jġorru. Hemm għalliema fis-sekondarja li għandhom mal-25 lezzjoni fil-ġimgħa, il-massimu, u skont il-ftehim dan kellu jkun l-eċċezzjoni u mhux in-norma, kif qed jiġri. In-numru tat-tfal fil-klassi żdied ukoll.

Norman Grech qal ukoll li l-professjoni tal-għalliema llum ma għadhiex tattira l-ammont ta’ żgħażagħ li kienet tattira qabel. Hemm raġunijiet varji, iċ-ċirkostanzi tal-klassi nbiddlu, il-pakkett finanzjarju ma jikkompetix ma’ setturi oħrajn u fatturi oħrajn. Fil-verità l-ammont ta’ studenti li ħerġin mill-università jew mill-istituzzjonijiet mhux qed ikopri l-bżonnijiet tal-lum, ta’ għalliema li qed jirtiraw jew irriżenjaw.

F’ċerti suġġetti l-problema hi akuta aktar minn suġġetti oħrajn bħall-Matematika u l-Malti u mhux faċli li din is-sitwazzjoni tissolva fis-snin li ġejjin. Dan għaliex dawk in-nies gradwati fil-matematika qed isibu karrieri f’setturi tal-gaming li jħallsu iktar.

Marco Bonnici qal li s-sitwazzjoni fin-nuqqas ta’ għalliema llum hi wkoll tort tal-amministrazzjoni tas-settur edukattiv. Dan għaliex matul is-sajf id-dipartiment qal li hemm biżżejjed għalliema imma fil-veirtà dan ma kienx il-każ. Dan għaliex ma tawx każ ir-riżenji u xi tip ta’ leave li għalliema jkunu ħadu għas-sena skolastika partikolari.

Is-sitwazzjoni fl-MCAST
Fl-MCAST hemm sitwazzjoni oħra li fiha l-MUT hi mħassba. Marco Bonnici qal li għall-MUT kienet biċċa xogħol sabiex intlaħaq il-ftehim kollettiv il-ġdid. Waqt li l-ftehim kollettiv intlaħaq, fl-istess perjodu kien hemm tibdil fl-amministrazzjon u dan għamilha diffiċli sabiex dan jiġi implimentat.

L-MUT kienet antiċipat li se jkun hemm problemi fuq is-salarji u l-arretrati li huma dovuti lill-ħaddiema. L-MUT kienet avżat lill-amministrazzjoni dwar kif dawn kienu se jinħadmu ħżiena, ġara hekk u din is-sitwazzjoni qed twassal għall-frustrazzjoni fost diversi membri tal-union. Jekk l-MCAST mhux se jieħu azzjoni fuqha, l-aġġustamenti se jibqgħu ħżiena. Min-naħa tagħha l-MUT qed tistenna li jiġi rispettat il-ftehim kollettiv u jkun hemm rieda li dan jiġi implimentat. Rigward il-kwistjoni tas-salarji hemm bżonn azzjoni drastika għaliex inkella l-problema se tibqa’ hemm.

Fl-MCAST matul ix-xhur li għaddew kien hemm aktar kwistjonijiet fost oħrajn il-kwistjoni tal-Ombudsman. Li ġara kien li l-amministrazzjoni tal-MCAST qabdet persuna mill-management u poġġietha f’din il-kariga. Xi ħaġa li ma tistax issir skond l-Ombudsman Act. L-MUT kienet waslet biex tat ordnijiet lill-membri tagħha biex ma jirrikorrux għand dan l-uffiċċju. F’dawn l-aħħar ġimgħat dan ma baqax jissejjaħ Ombudsman imma sar Grievances Officer.

Kwistjoni oħra li għadha mhix solvuta hi t-tnaqqis ta’ contact hours mal-istudenti. Fil-bidu ta’ din is-sena l-amministrazzjoni tat ordnijiet lil-lecturers biex inaqqsu l-contact hours saħansitra bejn 12% u 50%, li hija ħafna. Dan ifisser li hemm suġġetti li se jkunu mgħallma f’nofs is-sigħat, din hija deċiżjoni li qed taffettwa mhux ftit lill-istudent.

Għal dan il-għan l-MUT kienet tat ordni biex la se jitnaqqas il-ħin, jitnaqqas ukoll il-kontenut. Għal din il-kwistjoni għad m’hemmx soluzzjoni.

L-istudenti barranin
Sfida ġdida li qed jaffaċja s-settur tal-edukazzjoni hu l-influss ta’ barranin li qed jiġu Malta. Dan kollu qed iħalli effett fuq ħafna setturi imma fuq l-edukazzjoni qed iħalli effett negattiv li sa issa għadu mhux qed jiġi indirizzat. Hemm skejjel li għandhom klassijiet li aktar minn nofs l-istudenti huma tfal barranin. Il-problema hija li mhux għax dawn huma tfal barranin imma li ħafna minnhom minbarra li ma jkunux jafu bil-lingwa Maltija, l-anqas ma jkunu jafu bil-lingwa Ingliża.

Teżisti wkoll realtà li hemm min minnhom dawn it-tfal li qatt ma jkunu attendew fi skola u minkejja l-età li jkollhom, dawn ma jkollhomx idea kif taħdem klassi. Dan kollu qed joħloq pressjoni fuq is-sistema tal-klassi u qed jitħarbat l-andament tal-klassi.

Sal-lum għal dawn it-tfal isir programm qasir ta’ introduzzjoni, imma fir-realtà dawn it-tfal mhux ħa jkunu attrezzati biżżejjed biex ikunu jistgħu jkomplu fil-klassi mat-tfal Maltin jew tfal li jkunu adattaw għas-sistema edukattiva Maltija. Tajjeb jingħad li dan is-servizz hu offrut biss għat-tfal fl-iskejjel primarja.

Din il-problema mistennija tippersisti jekk mhux tikber minħabba li l-gvern qed jippjana li jġib ammont konsiderevoli ta’ Maltin jaħdmu Malta.

Norman Grech, il-Viċi President tal-MUT, indika li fl-aħħar snin konna bdejna naraw il-popolazzjoni tal-istudenti li bdiet tonqos, madankollu issa qed narawha terġa’ tiżdied u dan qed jiġri minħabba l-influss ta’ barranin.

Marco Bonnici spjega li sa issa għadhom ma semgħu xejn mill-gvern dwar pjan għal din is-sitwazzjoni u kif se tkun indirizzata. Kulma ntqal kien li kien hemm il-pjan li jkun hemm skola oħra indipendenti li jidher li se tkun qed taħdem għal studenti barranin. Dwar dan, Marco Bonnici qal li jista’ jkun li din se ssir mhux biex tindirizza din is-sitwazzjoni imma għal suq direttament għalih.
Il-kwistjoni tal-photocopies

Fl-aħħar xhur kien hemm ukoll il-kwistjoni meta l-Gvern ried jimponi li l-għalliema jagħmlu l-photocopies bilfors fl-istamperija tal-Gvern. Dan kien qajjem numru ta’ mistoqsijiet u dubji għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni. Marco Bonnici qal li wara xhur ta’ diskussjonijiet sa fl-aħħar hemm deċiżjoni li laħqet kompromess tajjeb għall-għalliema b’mod partikolari.

L-MUT kienet waqqfet dan il-proġett u sar biss bħala proġett pilota. U fl-aħħar jiem kien hemm żvolta li waslet għal soluzzjoni. Sar ftehim biex karti tal-eżamijiet isiru l-istamperija tal-Gvern. Marco Bonnici qal li din hi soluzzjoni sensibbli għaliex b’hekk l-iskola jkollha aktar kontroll fuq il-karta tal-eżami, li hi meqjusa bħala dokument sensittiv. Anke stampar ta’ ammonti kbar jista’ jsir fl-istamperija tal-Gvern.

L-MUT issa waslet ukoll għall-kompromess dwar in-noti tal-għalliema. Hemm tliet għażliet – li jsiru fl-istamperija tal-Gvern; isiru fil-photocopiers tal-iskola stess jew li l-għalliema jistgħu jagħmlu kopji ta’ noti fi ħwienet tal-għażla tagħhom imma iridu jipprovdu irċevuta biex jingħataw rifużjoni mill-iskola.