Edukazzjoni Lokali

FILMAT: L-istaff amministrattiv tal-MCAST hu demoralizzat u f’apatija kbira sal-punt li wħud minnhom marru lura għat-tagħlim

Kriżi fit-tmexxija tal-MCAST

 

L-inkjesta interna dwar abbużi u nepotiżmu fl-MCAST maħtura mill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo u mmexxi minn Paul Bonello waslet fl-istadji finali tagħha.

Fil-jiem li għaddew saru evalwazzjonijiet dettaljati dwar sensiela ta’ allegazzjonijiet li saru minn Josephine Abdilla, li kienet il-Kap tar-Riżorsi Umani fl-MCAST sa qabel ma kienet sospiża mix-xogħol tagħha mit-tmexxija tal-MCAST. Dawn l-allegazzjonijiet tagħha saru f’rapport ta’ 159 paġna li hi għamlet u għaddiet lill-Bord ta’ Inkjesta maħtur mill-Ministeru tal-Edukazzjoni.

Lill-Bord ta’ Inkjesta tressqu quddiemu madwar 15-il allegazzjoni ta’ abbużi u nepotiżmu fl-MCAST. Barra minn hekk, fir-rapport miktub minn Josephine Abdilla jirriżulta li hemm imsemmija l-eks President tal-MCAST Silvio Debono u għadd ta’ Diretturi u Deputati Diretturi fit-Tmexxija tal-MCAST.

L-inkjesta maħtura mill-Ministru tal-Edukazzjoni dwar abbużi u nepotiżmu fl-MCAST skattat f’Ġunju li għadda u oriġinarjament kellha tkun konkluża sa tmiem Settembru li għadda, iżda l-Bord ta’ Inkjesta talab li din tkun estiża b’xahar.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li t-tmexxija l-ġdida li daħlet fl-MCAST ma ngħatat l-ebda handover. L-Assistet Personali tal-eks President tal-MCAST telaq ukoll mill-MCAST mat-tluq ta’ Silvio Debono. It-tip ta’ handover li ngħatat kienet laqgħa ta’ madwar siegħa u nofs. Sorsi qrib l-MCAST qalu li t-tmexxija tal-lum qed tilmenta li sabet għadd ta’ irregolaritajiet. Hu minħabba f’hekk li jidher li t-tmexxija l-ġdida tal-MCAST qed tipprova twarrab minn ċerti persuni li b’xi mod huma involuti fit-tmexxija tal-istess MCAST.

Wieħed mill-persuni li ilu jimmilita fl-MCAST għal bosta snin u li ma hux se jiġġeddidlu l-kuntratt tiegħu hu Vince Maione. Kien il-Ministeru tal-Edukazzjoni li ftit ilu bagħat għalih biex imur Beltissebħ u hemmhekk ingħatatlu l-aħbar. Mhux magħruf jekk dan l-iżvilupp hux direttament relatat mal-Inkjesta dwar Josephine Abdilla jew hux ma’ xi kwistjonijiet imqajma mit-Tmexxija l-ġdida tal-MCAST.
Vince Maione kien ikkwotat jgħid li hu kien infurmat mill-Ministeru li l-kuntratt ta’ tliet snin tiegħu mhux se jkun imġedded. Jidher iżda li l-Ministeru tal-Edukazzjoni qiegħed ifassallu rwol ġdid hekk kif l-impenji tiegħu fl-MCAST jintemmu ma’ tmiem dan ix-xahar. Id-deċiżjoni finali dwar dan kollu jidher li ttieħdet direttament mill-Ministru Evarist Bartolo.

Skont it-tmexxija tal-lum, iċ-ċirkostanzi kollha li wirtet it-tmexxija l-ġdida tal-MCAST irrendewha fi kriżi serja fit-tmexxija.

Persuna diżappuntata biċ-ċaqlieq li sar dan l-aħħar fl-MCAST żvelat magħna kif fl-aħħar erba’ xhur mill-MCAST kien hemm eżodu ta’ nies ta’ esperjenza mit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni edukattiva. Nistgħu niżvelaw kif dan wassal biex attwalment is-sitwazzjoni tal-MCAST hi li għandha amministrazzjoni għarkupptejha.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument żvelaw ukoll li wara l-ħatriet ta’ Frederick Schembri u James Calleja, bħala ċ-Chairman u l-Prinċipal tal-MCAST, sar bosta tentattiv ta’ ċaqlieq li wassal biex għadd ta’ Diretturi u Deputati Diretturi bi snin twal ta’ esperjenza u validissimi, jiddeċiedu li jew jirritornaw għat-tagħlim jew saħansitra jirriżenjaw mill-MCAST u jmorru jaħdmu xi mkien ieħor.

Tags