Lokali

Ministri raw ir-rapport Egrant; lil Chris Fearne ma ħallewħx

Il-Viċi Prim Ministru sa issa għadu ma tħalliex jara l-istess Rapport li rawh il-Ministri l-oħra

Sorsi infurmati qrib il-Viċi Prim Minisru Chris Fearne qalu li huma urtati ferm li Kastilja qed iċċaħħad lill-Viċi Prim Ministru milli jara r-Rapport intier tal-Inkjesta Maġisterjali ‘Egrant’.

Dan hu ta’ diżappunt għal dawk ta’ Chris Fearne hekk kif irriżulta li dan ir-Rapport ma rahx u ma studjahx biss il-Prim Ministru Joseph Muscat, iżda ta’ Kastilja għażlu lil min jafdaw. Fost dawn hemm il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li akkwista kopja mill-Avukat Ġenerali minkejja li ma kellu l-ebda dritt li jkollu dan ir-rapport f’idu.

Biex jgħatti xturu, l-Avukat Ġenerali qal taħt ġurament fil-kawża kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li hu għadda kopja tar-rapport tal-inkjesta lil Owen Bonniċi għaliex hu wieħed mill-Avukati tal-Prim Ministru. S’issa dan għadu ma rriżultax u Owen Bonnici stess sabha diffiċli biex jikkonferma li hu qed iservi ta’ avukat tal-Prim Ministru. Jekk jirriżulta li Owen Bonnici qed iservi wkoll ta’ avukat ta’ Josph Muscat, allura terġa’ tqum il-kwistjoni kif Ministru tal-Gvern baqa’ jservi fil-professjoni tiegħu.

Is-sorsi tagħna qalulna wkoll li minbarra Owen Bonnici, hemm membri oħra tal-Kabinett li raw ir-rapport sħiħ, iżda mhux il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, u dan għaliex mhux fdat minn ta’ Kastilja.

Mhux l-istess għad-Deputat mexxej l-ieħor tal-Partit Laburista Chris Cardona li minn kliemu fil-Parlament, f’aktar minn okkażjoni waħda, kollox jindika li hu wkoll ra dan ir-rapport tal-inkjesta. Fil-Parlament Chris Cardona nstema’ jaqra minn dan ir-Rapport – affarijiet li l-kumplament tal-Kamra, fosthom l-Oppożizzjoni, ma tafx u li kienu għadhom ma ħarġux fil-publiku.

Il-Ministru Chris Cardona jidher li għandu interess dirett f’dan ir-Rapport tal-Inkjesta Maġisterjali ‘Egrant’ li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja u li issa ilha konkluża sa min-nofs Lulju li għadda iżda l-Oppożizzjoni, minkejja t-talbiet ripetuti tagħha, baqgħet ma ngħatatx kopja.