Ekonomija Lokali Sport Sport Ieħor

Tal-MMF diżappuntati li l-wegħda tat-trakka baqgħet fuq l-ixkaffa

Diżappunt mill-Malta Motorsport Federation (MMF) għall-fatt li, għal darb’oħra, ma reġa’ ġie rreġistrat l-ebda progress fil-wegħda elettorali tal-Gvern qabel l-elezzjoni tal-2017 għat-trakka tal-karozzi.

Fi stqarrija, b’reazzjoni għall-Budget 2019, l-MMF qalet li s’issa saru sensiela ta’ laqgħat mal-Gvern, b’assikurazzjonijiet li qed jaħdem biex jara li din il-wegħda titwettaq. Madankollu, tħoss li dan l-isport għadu jitqies bħala dixxiplina sekondarja, minkejja r-riżultati pożittivi u konvinċenti li jinkisbu barra minn xtutna.

Filwaqt li awgurat lil dawk id-dixxiplini sportivi li ta’ kull sena jgawdu mill-finanzi tal-Gvern, innutat kif f’dixxiplini oħrajn bħall-motorsport, sena wara l-oħra jkunu vvutati fondi u artijiet għall-iżvilupp jew manteniment, iżda r-riżultati ma jaslu qatt.

L-MMF kompliet li fejn jidħol il-motorsport, il-wegħdiet tal-Gvern qed jibqgħu dejjem fuq il-karta u ma jitwettqu qatt. U hu għalhekk li nnutat b’dispjaċir kif filwaqt li tkun qed tingħata l-impressjoni li l-affarijiet mexjin skont il-wegħdi li saru, fil-verità dan ma jseħħx.

Min-naħa l-oħra, il-Federazzjoni rringrazzjat lill-Gvern li ta t-tarmak lit-Triq tal-Imtaħleb. Madankollu, innutat li din hi triq pubblika u għalhekk mhux esklussiva għad-dilettanti tal-motorsport. Hu fid-dmir tal-Gvern li jżomm din it-triq tajba għall-użu ta’ kuljum, tenniet l-MMF.

Filwaqt li tenniet li bl-iżvilupp tat-trakka, pajjiżna jgawdi minn post sigur fejn isir il-motorsport, l-MMF temmet bl-appell lill-Gvern biex iżomm mal-wegħda elettorali tiegħu u jwettaq fil-konkret dak li ilu jwiegħed sena wara l-oħra.