Lokali

Traffikanti tad-droga u klijenti arrestati waqt rejd f’maħżen f’Birkirkara

Numru ta’ persuni ġew arrestati u mistennija jiġu akkużati bi traffikar ta’ ammont konsiderevoli ta’ droga.

Dan wara li ġew arrestati fil-fatt waqt rejd li sar minn diversi sezzjonijiet tal-Pulizija f’maħżen li jinsab fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra, f’Birkirkara.

Dan ir-rejd ġab fi tmiemha b’suċċess investigazzjoni twila dwar dan iċ-ċirku kriminali, liema investigazzjoni involviet ukoll sigħat twal ta’ osservazzjoni minn Pulizija pajżana fl-inħawi.

Kien għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu li l-Pulizija ddeċidew li jiċċirkondaw l-inħawi u jidħlu fuq l-akkużati. Minbarra t-traffikanti, ninsabu nfurmati wkoll li ġew arrestati mill-inqas żewġ persuni li jidher li kienu klijenti li marru fil-post biex jiksbu d-droga.

Wieħed minn dawn jidher li daħal fil-maħżen waqt li kienet għaddejja t-tfittxija u l-arresti u spiċċa arrestat fil-post. Hu deher għal ħin twil jitkellem mal-Pulizija, waqt li fuq ġewwa komplew l-investigazzjonijiet.

Net News jinsab infurmat li l-kummerċ tad-droga kien pjuttost maġġuri, tant li l-kelma bdiet tixtered li spiss kienu jidhru persuni jidħlu f’dan il-maħżen u joħorġu ftit tal-ħin wara.

Fuq ġewwa, il-Pulizija sabu li l-maħżen kellu biex sekondarju, biex l-akkużati jkunu żguri li minn barra ma jidhirx x’kienu qed iwettqu. Id-droga instabet moħbija b’mod tajjeb ukoll, tant li parti mill-ħidma tal-Pulizija kienet tinvolvi li jħottu ħajt fuq ġewwa tal-maħżen.