Internazzjonali

Haftar għal taħditiet f’Ruma

Il-mexxej militari Libjan Khalifa Haftar li jmexxi l-Armata Nazzjonali Libjana alleata mal-Gvern ta’ Tobruk, it-Tnejn kien f’Ruma, il-kapitali Taljana, bi tħejjija għall-konferenza li se ssir ix-xahar id-dieħel fi Sqallija dwar il-Libja.

L-Italja qed tipprova tikkonvinċi lil Haftar biex jappoġġa pjan ħalli tissolva l-kriżi Libjana mfassla minn Ghassan Salame, il-mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja. Pjan li se jkun ippreżentat lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ftit qabel il-laqgħa ta’ Sqallija.

Haftar mar il-Ħadd u diġà ltaqa’ mal-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte bi tħejjija għal-laqgħa li se ssir fit-12 u t-13 ta’ Novembru u li se ssir f’Palermo. Conte kellu wkoll laqgħat ma’ Fayez al-Sarraj, li jmexxi l-Gvern ta’ għaqda nazzjonali ibbażat fi Tripli, u r-rappreżentant tan-NU Salame.

Fil-laqgħa ma’ Conte, Salame qal li jemmen li l-laqgħa ta’ Palermo kienet se tkun sinjal importanti ta’ appoġġ għal-Libja.

Suppost hemm pjan appoġġat minn Franza biex fl-10 ta’ Diċembru ssir elezzjoni ġenerali fil-Libja. Imma jidher li din l-elezzjoni ftit li xejn hemm ċans li ssir minħabba l-kaos u l-vjolenza li hemm fil-pajjiż.

Sadattant, il-militanti tal-ISIS wettqu attakk f’al-Fuqaha fiċ-ċentru tal-Libja, li fih tal-anqas erba’ persuni nqatlu, fosthom żewġ pulizija u iben is-Sindku. Hemm ukoll indikazzjoni li numru ta’ residenti spiċċaw maħtufa mill-militanti.