Lokali

Rokku miet fil-jum li kien se jsir jaf li x-xewqa ta’ ħajtu kienet se ssir realtà

Waħda mill-ikbar xewqat li qatt kellu Rokku Bonnici, kienet li jara lin-neputija tiegħu tiggradwa. “Li kien il-Bambin itini ż-żmien li narak tiggradwa, ħalli żgur bil-ferħ ittellani s-sema.”

Kien b’dan il-kliem li Rokku kien jitkellem man-neputija tiegħu, Katrina, iżda d-destin ried li jħalli din id-dinja, fil-baħar li tant kien iħobb, fil-jum li rċeviet l-istedina b’mod uffiċjali biex tkun preżenti għall-gradwazzjoni tagħha.

Rokku, eroj li sentejn ilu salva raġel ieħor mill-għarqa, kien iffissat fuq il-baħar u s-sajd, tant li l-passjonijiet tiegħu wirtuhom ukoll dawk ta’ madwaru.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, in-neputija ta’ Rokku titkellem b’imħabba lejn dak li kien jirreferi għalija bħala “l-iżgħar ħabiba” tiegħu u li għaliha hu kien l-ikbar ħabib tagħha. Tiftakar fil-familja li rnexxielu jgħaqqad b’għożża, imħabba u paċenzja.