Sport Sport Ieħor

Chris Froome mhux deċiż jekk hux se jiddefendi t-titlu tal-Giro d’Italia

(Ritratt: EPA)

Chris Froome naqas li jikkonferma jekk hux se jiddefendi l-Giro d’Italia li rebaħ is-sena l-oħra, hekk kif ilbieraħ tħabbret ir-rotta. Iċ-ċiklist għal Team Sky rebaħ it-tour Taljan f’Mejju li għadda biex għamel Grand Slam wara r-rebħ tat-Tour de France u La Vuelta s-sena l-oħra.

Froome prova jagħmel doppjetta din is-sena iżda spiċċa fit-tielet post fit-Tour de France li ntrebaħ minn sieħbu Geraint Thomas. B’hekk hu għadu rebħa bogħod mir-rekord ta’ ħames rebħiet.

Iċ-ċiklist ta’ 33 sena jidher ċert li jimmira għar-rebħ tat-Tour de France fl-2019 iżda jidher li Froome qed jaħsibha dwar il-parteċipazzjoni fil-Giro d’Italia, minħabba li d-distakk bejn it-tnejn hu ta’ tliet ġimgħat u nofs minflok ħames ġimgħat kif kien din is-sena.

“Għadni ma nafx. Hi deċiżjoni li rrid nieħu mat-tim. Aħna nkunu kollha flimkien f’Diċembru f’kamp ta’ taħriġ u għalhekk naħseb li f’dak il-perjodu li niddeċiedu kollox għas-sena d-dieħla. Ħaġa waħda hi ċerta, jekk ma nkunx hemm jien, xi ħadd minn sħabi jkun hemm biex jipprova jirbaħ,” qal Froome.