Futbol Sport

Raheem Sterling jilħaq ftehim verbali biex iġedded il-kuntratt maċ-champions Ingliżi

Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li Raheem Sterling laħaq ftehim verbali biex jiffirma kuntratt ta’ ħames snin ma’ Manchester City. Hu mifhum li r-rappreżentanti ta’ Sterling laħqu ftehim mad-Direttur tal-Futbol Txiki Begiristain fl-aħħar jiem u l-ftehim mistenni jkun iffirmat fil-jiem li ġejjin.

Il-kuntratt eżistenti tiegħu jiskadi sena u nofs, iżda issa se jkollu kuntratt maċ-champions Ingliżi sal-2023. Sterling ingħaqad ma’ Manchester City mingħand Liverpool fl-2015 għal kważi €56 miljun u minn dakinhar skorja 48 gowl f’151 logħba mal-klabb minn Manchester.

L-aħjar staġun tiegħu kien l-istaġun li għadda fejn skorja 23 gowl, b’City jirbħu l-Premier League b’rekord ta’ 100 punt. F’dan l-istaġun, Sterling skorja erba’ gowls fi 11-il logħba, b’Manchester City jinsabu fil-quċċata tal-Premier League. Hu lagħab 46 logħba mat-tim nazzjonali Ingliż u kien fit-tim nazzjonali Ingliż f’żewġ edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.