Futbol Sport

RITRATTI: Birkirkara jirritornaw għar-rebħ b’doppjetta ta’ Michael Mifsud

(Ritratt: Martin Agius)

BIRKIRKARA………………….. 2   SLIEMA W………………………. 0

Birkirkara: K. Naumovski, D. Chapoval, M. Guillaumier (M. Beerman 90’), M. Andelkovic, P. Orlandic (E. Herrera 83’), J. Grech (P. Fenech 77’), K. Zammit, E. Ferreira Dos Santos, M. Mifsud, C. Attard, M. Franca De Siqueira

Sliema: J. Galea, M. Muchardi (R. Fenech 70’), K. Shaw, J. Pearson (S. Cassar 83’), M. Scerri (Y. Marzouk 68’), J. De Assis, F. Temile, M. Sansone, K. Amehi, C. Pani, S. Biancardi

Skorja: M. Mifsud 39’, 92’ (B)

Imwissija: D. Chapoval 53’ (B) K. Amehi 65’ (S)

Tkeċċew: D. Chapoval 62’ (B) K. Amehi 89’ (S)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Duncan Spencer

In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Michael Mifsud (Birkirkara)

Attendenza: 410

Rapport: Keane Cutajar

Birkirkara rritornaw għar-rebħ, rebħa li forsi tat nifs lil Paul Zammit wara ġimgħa ta’ spekulazzjoni fil-konfront tal-futur tiegħu mal-klabb, meta huma għelbu lil Sliema f’partita missielta.

Paul Zammit għażel li jibda biż-żgħażagħ Jake Grech u Matthew Guillaumier f’nofs il-grawnd, deċiżjoni li wasslet biex Paul Fenech beda minn fuq il-bank. It-tim ta’ Sliema Wanderers kien immexxi minn Ivan Woods li ħa post John Buttiġieġ li skonta partita ta’ sospensjoni.

L-ewwel xutt tal-partita wasal minn Michael Mifsud, li wara 14-il minuta ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda Galea salva tajjeb. Ir-risposta ta’ Sliema waslet tliet minuti wara meta Jefferson De Assis daħal mil-lemin u minn pożizzjoni angolata prova lejn il-lasti, xutt li kien devjat f’korner. Mill-korner Kristijan Naumovski nnewtralizza bla problemi.

Fit-23 minuta, Mifsud reġa’ għamel simili ta’ li għamel aktar kmieni però reġa’ sab lill-gowlkiper Slimiż attent li niżel fil-baxx u żamm tajjeb.

Naumovski salva lill-Istripes tliet minuti wara, meta Kilian Amehi prova b’saħħtu lejn il-lasti minn barra l-kaxxa, xutt li kien perikoluż iżda mhux biżżejjed biex jiżblokka l-iskor. Galea għamel l-istess fuq in-naħa l-oħra żewġ minuti wara meta dawwar f’korner xutt mid-distanza ta’ Franca De Siqueira.

Fl-34 minuta, l-internazzjonali Malti, Michael Mifsud reġa’ kien perikoluż iżda għal darb’oħra l-gowlkiper tal-Wanderers caħdu milli jiftaħ l-iskor din id-darba meta mblokka b’siequ.

Il-gowl wasal ħames minuti wara, u inċidentalment kien MICHAEL MIFSUD li xeħet fix-xibka. Kien korner ta’ Jake Grech li għadda lil kulħadd qabel spiċċa għand Mifsud fuq it-tieni lasta, li quddiem lasta prattikament vojta ma żbaljax.

Ftit wara li qabżu s-siegħa logħob, it-tim Karkariż spiċċa jilgħab b’għaxra meta Danilo Chapoval waqqa’ lil Amehi barra l-kaxxa, daħla ħażina li wassal għat-tieni karta safra f’temp ta’ disa minuti. Apparti din il-karta ħamra, it-tieni taqsima ftit li xejn offriet azzjonijiet. Kien fil-85 minuta li Sliema setgħu ġabu d-draw iżda d-daqqa ta’ ras ta’ Kurt Shaw kienet faċli għal Naumovski.

Żewġ minuti minn tmiem il-partita, il-Blues ukoll spiċċaw bi plejer anqas meta għalihom tkeċċa Kilian Amehi li rċieva t-tieni karta safra. Brikirkara aċċertaw mir-rebħa fil-ħin miżjud meta MICHAEL MIFSUD skorja d-doppjetta personali meta spiċċa fl-aħħar ta’ kontrattakk veloċi.