Lokali

“L-isport u l-isportivi f’pajjiżna jixirqilhom appoġġ u investiment” – Adrian Delia

Wasal iż-żmien li l-Gvern jgħaddi mill-kliem għall-fatti f’dak li għandu x’jaqsam mal-appoġġ mogħti lid-dilettanti tal-isport, b’mod speċjali dawk li jipprattikaw il-motorsport. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li t-Tnejn laqa’ fid-Dar Ċentrali lill-Federazzjoni tal-Motorsport ta’ pajjiżna.

Adrian Delia esprima d-diżappunt tiegħu li l-isport ma ngħatax dak li jixraqlu fl-aħħar budget, is-seba’ wieħed ta’ Gvern Laburista. Fost oħrajn, lanqas biss issemmiet darba l-wegħda tat-trakka.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li għal snin kien ukoll involut fl-isport bħala amministratur, wiegħed l-appoġġ totali tal-Oppożizzjoni lejn l-isport u l-isportivi hekk kif fakkar li proġetti sportivi huma wkoll importanti għaliex iwasslu lit-tfal valuri ta’ dixxiplina u r-rispett.

Madankollu nnota wkoll kif proġetti tal-motorsport jistgħu jkunu wkoll opportunità turistika li tolqot settur ġdid li jista’ jassisti lill-ekonomija tagħna biex tkompli tikber.

L-uffiċjali tal-Federazzjoni tal-Motorsport komplew ma’ dan l-argument, tant li ħabbru li diġa’ saru diskusjonijiet ma’ federazzjonijiet oħra biex fost oħrajn it-trakka tkun tista’ tintuża wkoll bħala ċirkwit tar-roti.

Għal din il-laqgħa, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Isport, Ryan Callus.