Lokali

Sena u nofs wara: Il-proġett ta’ Ġnien l-Istazzjon għadu mhux lest u partijiet perikolużi baqgħu aċċessibli

Sena u nofs mindu l-Awtorità tal-Ippjanar allokat fondi għar-rinovar u tisbieħ ta’ Ġnien l-Istazzjon, f’Birkirkara, partijiet minnu għadhom abbandunati u ta’ periklu.

Dawn ir-ritratti  nġibdu fil-ħdax ta’ filgħodu, u jixhdu biċ-ċar kif fil-post ma kien hemm l-ebda ħaddiema jaħdmu fuq dan il-proġett.

Fuq ġewwa tal-ġnien stajna ninnutaw munzelli ta’ trab, madum li suppost tqiegħed bħala parti mill-proġett kif ukoll tkissir u perikli oħra.

Net News jinsab infurmat li mal-lejl, il-ġnien qed ikun użat għal abbużi, fost l-oħrajn ta’ droga u alkoħol, tant li anke filgħodu stajna naraw żgħażagħ imdawra bl-alkoħol, xi ħaġa li hi projbita fil-ġonna pubbliċi.

Dan minbarra każi ta’ persuni jorqdu fil-ġnien u saħansitra serq, tant li riċentament seħħ każ ta’ serq tal-materjal li suppost jintuża fil-proġett, inkluż madum.

Minkejja dawn il-perikli, il-ġnien għadu aċċessibbli, b’katnazz mhux maqful mal-grada qrib il-Knisja l-Qadima u aċċess miftuħ min-naħa l-oħra tal-ġnien. Tant hu hekk li stajna ninnutaw persuni jaqsmu miż-żoni li suppost huma f’fażi ta’ kostruzzjoni biex jevitaw dawra ma’ Birkirkara.

Mill-ġnien kollu, f’sena u nofs, tlestiet biss il-parti fejn illum-il ġurnata jopera stabbiliment tal-ikel privat.

Anke jekk wieħed iħares lejn il-paġna uffiċjali tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara fuq Facebook jinnota li l-aħħar album bir-ritratt relatati ma’ dan il-ġnien imur lura għal Ġunju tas-sena li għaddiet.

Biex sar dan ix-xogħol inqala’ xogħol iehor li kien sar fl-2008 – ħela ta’ ħafna riżorsi umani, filwaqt li l-post spiċċa fi stat ta’ abbandun wara mozzjoni tal-kunsiellieri Laburisti biex titneħħa s-sigurtà bil-lejl