Futbol Sport

Champions League: Il-UEFA tikkunsidra l-VAR għall-aħħar parti tal-istaġun

Is-sistema tal-Video Assistant Referees (VAR) tista’ tkun introdotta fl-aħħar fażi tal-kompetizzjoni taċ-Champions League għal dan l-istaġun. Fil-fatt, tista’ titħabbar deċiżjoni proprju x-xahar id-dieħel waqt il-laqgħa li jmiss tal-eżekuttiv tal-UEFA.

F’Settembru li għadda, il-UEFA ħabbret li l-VAR kellu jiddaħħal, gradwalment, mill-2019, iżda l-uffiċjali tagħha ilhom l-aħħar ġimgħat jiddibattu l-introduzzjoni ‘aktar malajr’ tas-sistema VAR fuq hekk-imsejħa bażi ta’ fast-tracking.

Huma dawwru l-ħsieb oriġinali minħabba l-inkwiet dwar żbalji potenzjali li jistgħu jibdlu l-andament tal-aktar logħbiet importanti taċ-Champions League – u wara qbil unanimu li l-VAR kien ta’ suċċess waqt il-logħob tat-Tazza tad-Dinja, fir-Russja.

L-aħħar inċident li attira kritika seħħ waqt l-aħħar logħba taċ-Champions League bejn Manchester City u Shakthar Donetsk, fl-Etihad Stadium.

Meta l-iskor kien għadu 1-0 favur City, l-attakkant tagħhom, Raheem Sterling, deher jitfixkel f’saqajh u jaqa’, bir-referi, Viktor Kassai, ikun pront isaffar penalty ineżistenti.

Ir-replays urew biċ-ċar li ma kien hemm l-ebda kuntatt bejn Sterling u l-plejer ta’ Shakthar, Mykola Matviyenko, iżda l-gowl witta t-triq għar-rebħa tennistika, 6-0, favur it-tim Ingliż.

Sterling, wara, talab skuża lir-referi u lit-tim ta’ Shakthar, bil-manager ta’ City, Pep Guardiola, jikkummenta ‘li hu kien jaf mal-ewwel li dan kien penalty inġust’.

Waqt li qed ikomplu l-workshops għar-referis madwar l-Ewropa, żdiedu l-indikazzjonijiet li hemm biżżejjed uffiċjali tal-logħba li kapaċi japplikaw is-sistema tal-VAT anki għall-aħħar fażijiet taċ-Champions League għal dan l-istaġun.