Lokali

FILMAT: Vapur li jtajjar bandiera Maltija jaħbat f’bastiment tal-armata Norveġiża

Il-bastiment tal-armata Norveġiża KNM Helheelge Ingstad kellu jiġi evakwat għax qed jegħreq wara li tanker tal-fjuwil reġistrat Malta, Sola Ts, baqa’ dieħel fih f’inċident li seħħ f’port ta’ Oslo, fin-Norveġja.

L-ewwel aħbarijiet jindikaw li hemm minn tal-inqas seba’ persuni minn fost ekwipaġġ militari ta’ 127 li sofrew xi ġrieħi, għalkemm ħfief, waqt li l-bastiment Malti ma sofriex danni kbar u ħadd minn dawk abbord ma sofrew xi ġrieħi tant li lkoll baqgħu abbord.

Mal-impatt jidher li l-bastiment navali sofra qasma kbira li qed twassal biex jidħol ammont kbir ta’ ilma, tant li l-poppa (in-naħa ta’ wara tiegħu) spiċċat taħt l-ilma u eventwalment inqaleb fuq ġenb.

Jidher li hemm ukoll problemi ambjentali hekk kif mill-bastiment navali  ħareġ madwar 10,000 litru ta’ fjuwil tal-ħelikopters. Mill-bastiment reġistrat f’pajjiżna, li hu bastiment li jġorr il-fjuwil, ma jidher li kien hemm l-ebda kontaminazzjoni.

Bl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin, fis-sigħat li ġejjin mistennija jiġu mitkellma l-kaptani taż-żewġ vapuri. Jidher li l-bastiment navali kien għadu kif temm ħidma tan-Nato, bl-isem ta’ Trident Juncture, u kien qed jirritorna lejn pajjiżu.