Futbol Sport

Ronaldo mill-ġdid barra mit-tim tal-Portugall

L-attakkant ta’ Juventus, Cristiano Ronaldo, reġa’ mhux inkluż fl-iskwadra tal-Portugall li dan ix-xahar se jilgħab iż-żewġ logħbiet li jmiss tan-Nations League kontra l-Italja u l-Polonja. Dan ikkonfermah il-kowċ Portugiż, Fernando Santos, meta ħabbar l-iskwadra tiegħu għal dawn l-impenji importanti.

Santos kien ħalla lil Ronaldo barra mill-iskwadra anki għal-logħob tal-Portugall matul ix-xahrejn preċedenti u fejn qal li d-deċiżjoni kienet ‘waħda reċiproka’ peress li l-attakkant ta’ 33 sena kien għadu qed jadotta ruħu għall-ħajja fl-Italja wara t-trasferiment tiegħu minn Real Madrid għal ma’ Juventus.

Il-Portugall jilgħabu fl-Italja fis-17 ta’ Novembru waqt li jilqgħu lill-Polonja f’darhom, tlett ijiem wara. Il-Portugiżi huma l-liders ta’ Grupp 3 b’sitt punti minn żewġ logħbiet u jeħtieġu biss draw fl-Italja biex jgħaddu għas-semi-finali tan-Nations League.

Min-naħa tiegħu, Fernando Santos ma qalx jekk Ronaldo – li kien lagħab l-aħħar mal-Portugall fil-logħob tat-Tazza tad-Dinja, fir-Russja – hux se jissieħeb mill-ġdid mal-iskwadra nazzjonali għal-logħob ipprogrammat f’Marzu (2019). Hu, għalissa, qed jgħid biss li ‘ma jaqrax il-futur’ u li ‘jista’ isir kollox minn issa sa dak iż-żmien’.