Internazzjonali

Sforz ieħor għall-istabbilta fil-Libja

Ghassan Salame, il-mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja, qal li se jsir sforz ieħor biex fil-Libja ssir elezzjoni ġenerali; it-tir hu li ssir sa Ġunju tas-sena d-dieħla.

Dan hekk kif sfaxxa pjan biex ix-xahar id-dieħel isir vot fil-Libja u hekk kif f’Palermo, Sqallija, fl-Italja, fetħet konferenza internazzjonali dwar il-ġejjieni tal-Libja.

Salame qal li kien f’idejn il-Libjani x’forma għandu jieħu l-vot. Salame wkoll ilmenta dwar il-Parlament Libjan ibbażat f’Tobruk u li hu avversarju għall-Gvern Libjan ta’ għaqda nazzjonali fi Tripli. Dan hekk kif il-Parlament, minkejja li m’għadda ebda liġi, qed jimblokka progress lejn l-elezzjoni.
Dan apparti l-vjolenza li hemm fil-Libja.

Sadattant fil-konferenza ta’ jumejn ta’ Palermo, li hi organizzata mill-Gvern Taljan, hemm stennija dwar jekk hux se jmur Khalifa Haftar, il-mexxej tal-forzi fil-Lvant tal-Libja. Dan għaliex fl-aħħar mument, Haftar qal li ma kienx se jmur għaliex kien se jkun hemm il-Qatar, li jappoġġa l-militanti Iżlamiċi, li huma l-għadu numru wieħed ta’ Haftar. Apparti minn hekk, sorsi qrib Haftar qalu li jekk imur, hu kien se jiddiskuti biss il-ġlieda kontra t-terroriżmu u xejn aktar.

L-Italja trid li l-partijiet kollha mdaħħla fil-ġlied fil-Libja tal-anqas jaqblu fuq it-triq ’il quddiem għall-pajjiż u kif jista’ jsir.