Lokali Qorti

FILMAT: Bżonn ta’ kampanja edukattiva dwar il-Qorti

L-Imħallfin u l-Maġistrati jinsabu mħassba li qed ikun hemm kritika inġusta mill-media soċjali għad- deċiżjonijiet tal-Qrati.

F’laqgħa li l-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għall-Imħalfin u l-Maġistrati ta’ Malta kellu mal-President Marie-Louise Coleiro Preca, tqajmu diversi punti dwar il-Ġudikatura. Wiehed minnhom kien propju dan; il-kritika li qed issir mill-pubbliku fuq is-social media.

Il-Kumitat saħaq li għandha tkun il-Presidenza li titqies bħala l-aħjar intermedjarju kif il-Ġudikatura tkun tista’ tittrasmetti l-ilmenti u preokkupazzjonijiet tagħha lill-fergħat l-oħra tal-Istat. Dan sabiex ma tiġix kompromessa l-integrità tal-istess Ġudikatura.

Il-Kumitat esprima it-tħassib tiegħu għall-fatt li fuq il-media ġieli ssir kritika inġusta ghal deċiżjonijiet tal-Qrati …fejn gieli anke ssir kritika personali lill-ġudikant – kritika li ssir minn nies li mhux neċessarjament ikollhom għarfien tekniku ta’ dak li jkun deċiż.

Għalhekk talbu lill-President sabiex meta tħoss il-ħtieġa, tagħmel kampanja edukattiva f’dan ir-rigward, inkluz kif jaħdmu l-Qrati. Għandu jkun hemm ukoll żjarat frekwent minn skejjel fil-Qrati.

Matul il-laqgħa ġiet diskussa wkoll is-sitwazzjoni preżenti dwar il-metodu kif tinhatar il-ġudikatura. L-Awtoritajiet għandhom jassiguraw illi jsiru l-arranġament neċessarji sabiex il-Maġistrati ma jibqgħux jiġu kkunsidrati bħala inferjuri għall-Imħallfin.